Żurrieq Sunrise inkurunati ċampjins

Sunday, May 5, 2019, 18:02

Żurrieq ġew inkurunati champions tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA minkejja t-telfa ta’ 3-2 li huma sofrew kontra Fleur de Lys. Dawn tal-aħħar setgħu jiċċelebraw ukoll il-promozzjoni għall-ogħla kampjonat ta’ din l-assoċjazzjoni meta offrew wirja mill-aqwa b’logħob ferm iddixxiplinat.
Anke Balzan Youths kellhom iċ-ċans jifirħu għall-promozzjoni li kisbu meta filwaqt li aċċertaw ruħhom mit-tieni post, huma għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 2-1.
Dawn it-timijiet temmew l-impenji tagħhom f’din id-diviżjoni li rathom protagonisti prinċipali għal dan l-istaġun. Fil-verita’ kemm Żurrieq kif ukoll Balzan kellhom sodisfazzjon doppju minħabba li fl-ewwel parteċipazzjoni tagħhom fil-MAFA kisbu dan is-suċċess meritat.
Kif għedna, Żurrieq Sunrise ġew sorpriżi minn Fleur de Lys CFK meta sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-2.
Żurrieq ġew maħsuda wara tmien minuti logħob meta kienu Fleur de Lys li marru fil-vantaġġ meta wara kross mix-xellug, kien Ryan Vella li bir-ras għeleb lill-gowlkiper avversarju. Is-Sunrise baqgħu kalmi u rnexxielhom iġibu d-dro fit-33 minuta b’gowl tajjeb ta’ Marley Vella.
Minuta wara Fleur de Lys skorjaw it-tieni gowl meta Christian Barbara temm azzjoni veloċi u tefa’ il-ballun fix-xibka sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-1 favurihom.
Fit-tieni taqsima Żurrieq ħarġu tajjeb fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs iżda wara kollox kienu Fleur de Lys li reġgħu skorjaw mas-siegħa logħob permezz tal-aqwa skorer tagħhom Robert Bajada.
Fit-62 minuta Clifton Piscopo reġa daħħal xaqq ta’ dawl għas-Sunrise għalkemm id-difiza avversarja żammet sod sabiex kisbu l-ħames rebħa staġjonali. Fl-istess ħin huma temmew il-kampjonat fit-tielet post tal-klassifika u anke huma għandhom is-sodisfazzjon li ġew promossi ghall-Ewwel Diviżjoni.
Għaċ-champions il-ġodda tat-Tieni Divizjoni din kienet it-tieni telfa tal-istaġun li minkejja kollox ma tellfitx mill-atmosfera ta’ festa li ħolqu.
Ezatt wara l-partita l-president tal-MAFA Twanny Agius ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Żurrieq Sunrise Owen Gilford.
Referì ta’ din il-partita kien Joe Camilleri.
Balzan Youths iċċelebraw huma wkoll il-promozzjoni b’rebħa tajba fuq Valletta Stars bl-iskor ta’ 2-1. Kienet partita pjaċevoli li bdiet bl-aqwa mod possibbli hekk kif wara minuta logħob Balzan marru minn fuq permezz ta’ Anthony Spiteri.
Valletta Stars irrispondew minnufih żewġ minuti wara grazzi għal Buba Mballow li għamel l-iskor 1-1.  Il-logħba kienet wahda miftuħa biż-żewg timijiet jattakkaw iżda fl-istess ħin id-difiżi rispettivi jiddefendu bi ħġarhom bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-1.
Fit-tieni taqsima kienu Balzan li skorjaw il-gowl tar-rebħa permezz tal-iskorer prolifiku tagħhom Shaun Matintela.
Wara l-partita setgħu jibdew ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Balzan Youths li b’hekk telgħu huma wkoll għal diviżjoni oħra.
Referì ta’ din il-logħba kien Pasquale D’Errico.
Il-kampjonat tat-tieni diviżjoni jiġi fi tmiemu ħmistax oħra meta Mosta Vikings jilagħbu kontra Valletta St Pauls.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI:
Żurrieq Sunrise 22, Balzan Youths 19, Fleur de Lys 18, Valletta Stars, Mosta Vikings 7, Marsaxlokk 6, Mqabba Albions -5
Sadanittant kellna wkoll is-semifinali mill-MAFA KO fejn Versity AFC kellhom imorru għall-ħin barrani sabiex aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni għall-finali meta għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-2.
Kienet partita verament sabiħa li ħalliet lil dawk kollha preżenti fil-grawnd ta’ Santa Luċija fuq ix-xwiek. San Ġiljan stabbilixxew żewġ gowls vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima, iżda reazzjoni liema bħalha tal-Versity rathom iġibu l-iskor indaqs sabiex kellna mmorru għall-ħin barrani.
Protagonista prinċipali ta’ din il-partita kien Ubadike Ifeanyichukwe li skorja doppjetta u kien strumentali f’ħafna mill-attakki tat-tim tiegħu. Min-naħa tagħhom wara bidu perfett, San Ġiljan battew ferm fit-tieni taqsima u dan ta ċans lill-avversarji jwettqu l-għan aħħari tagħhom.
Is-Saints marru minn fuq wara żewġ minuti logħob permezz ta’ Jamie Bowlby Whiting filwaqt li rdoppjaw l-iskor b’awtogowl ta’ Romain Gravisse.
Wara li l-ewwel taqsima għalqet 2-0 favur is-Saints, kellna reazzjoni furjuża min-naħa tal-Versity li fiha ġabu d-dro l-ewwel permezz ta’ Ubadike Ifeanyichukwe imbagħad grazzi għal Abel Okoro.
Il-logħba sas-70 minuta spiċċat 2-2 sabiex kellna nassistu għall-ħin barrani u kien hawn li t-tim minn Tal-Qroqq kisbu l-gowl kwalifikazzjoni permezz ta’ Ubadike Ifeanyichukwe li b’hekk skorja doppjetta personali.
Referì ta’ din il-partita kien Gjorgji Bitri.
Fil-finali li ser tintlagħab fit-18 ta’ Mejju li ġej, Versity AFC jiltaqgħu kontra Valletta St Pauls.





Leave a comment