Żurrieq Sunrise Ċampjins tat-Tieni Diviżjoni

Monday, April 15, 2019, 7:25

RAPPORT: Robert Busuttil

Żurrieq Sunrise huma ċ-ċampjins il-ġodda tal-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta b’wirja kbira fit-tieni taqsima huma għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 3-0.

Dan kien suċċess mistħoqq mit-tim immexxi minn Kris Bugeja fejn kienu l-iktar tim konsistenti u s-sodisfazzjon għalihom jikber meta tqis li jinsabu fl-ewwel parteċipazzjoni tagħhom f’din l-assoċjazzjoni.

Huma ser ikunu qed jiġu ppreżentati bit-tazza rebbieħa fl-4 ta’ Mejju li ġej wara l-aħħar logħba staġjonali kontra Fleur de Lys CFK.

Verdetti oħra li ħarġu mill-ġurnata tal-bieraħ kienu wkoll il-promozzjoni ta’ Balzan Youths u Fleur de Lys CFK. Il-Balzanin kienu diġa’ jafu d-destin tagħhom ftit tal-ġranet ilu iżda Fleur de Lys issiġġillaw dan il-verdett meta lbieraħ rebħu l-konfront dirett kontra Valletta Stars.

Kif għedna Żurrieq Sunrise għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 3-0. Kienet partita li fl-ewwel taqsima ntlagħbet ħafna bil-ballun f’nofs il-grawnd pero’ fit-tieni taqsima Żurrieq kienu aħjar fejn għarfu jisfruttaw iċ-ċansijiet tagħhom u jsarrfuhom f’gowls.

Għal din il-partita Mosta Vikings kienu qed iżanżnu flokk ġdid fjamant. Huma ddefendew bi ħġarhom f’din il-partita u ppruvaw itellgħu sensiela ta’ kontrattakki.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet bl-iskor ta’ 0-0, fit-tieni taqsima s-Sunrise kienu ferm aggressivi u fetħu l-iskor fil-41 minuta meta Yaya Touray irċieva tajjeb, daħal fil-kaxxa u b’xutt tajjeb tefa’ fir-rokna tax-xibka.

Iż-Żrieraq irduppjaw l-iskor fil-55 minuta meta kien Aaron Dalli li skorja gowl tal-istampi meta wara li qabeż tliet plejers fajjar xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li laqat il-lasta qabel ma’ spiċċa ġewwa.

Fit-68 minuta kien Justin Cilia li ssiġġilla r-rebħa finali b’gowl tajjeb wara azzjoni ta’ kontrattakk sabiex b’hekk skorja l-ħames gowl staġjonali tiegħu u laħaq lil sieħbu fit-tim Owen Gilford.

Għal Mosta din kienet is-sitt telfa staġjonali sabiex baqgħu b’seba’ punti minn disa’ logħbiet.

Referì ta’ din il-partita kien Lorry Sammut.

Fleur de Lys aċċertaw ruħhom minn ritorn u promozzjoni għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta rebħu l-isfida diretta għat-tielet post kontra Valletta Stars bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba li ġiet deċiża fl-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet joħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor lejn il-lasti rispettivi.

Fl-aħħar mill-aħħar kienu Fleur de Lys li daħku l-aħħar daħka meta għarfu jisfruttaw l-okkażjonijiet li ġewhom. Min-naħa ta’ Valletta Stars, dawn naqsu milli jieħdu xi ħaġa minn din il-partita sabiex ser ikollhom jerġgħu jilagħbu fit-tieni diviżjoni. Xi żbalji difensivi kienu fatali għalihom sabiex b’hekk sofrew ir-raba’ telfa staġjonali.

Fleur de Lys marru mal-ewwel fil-vantaġġ wara tliet minuti logħob meta Christian Barbara avvanza tajjeb, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Omar Saimi.

L-Istilel Beltin irrispondew mal-ewwel u ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara meta f’kontrattakk veloċi kien Isaac Scerri li għeleb lill-gowlkiper avversarju mill-viċin.

Fleur de Lys skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa u li tahom ukoll il-promozzjoni. Kienu għaddew 28 minuta u l-aqwa skorer tagħhom Robert Bajada għadda tajjeb mal-linja xellugija u b’xutt b’saħħtu ħasad lill-gowlkiper ta’ Valletta Stars.

Fit-tieni taqsima, Valletta Stars ippruvaw isalvaw il-partita iżda d-difiża ta’ Fleur de Lys żammet sod sabiex ħarġu bit-tliet punti finali.

Referì ta’ din il-partita kien Darko Stankovic

Klassifika MAFA It-Tieni Diviżjoni

Żurrieq Sunrise 22, Balzan Youths 16, Fleur de Lys CFK 15, Valletta Stars, Mosta Vikings 7

Marsaxlokk AFC 6, Mqabba Albions -5

Marsaxlokk u Mqabba irtiraw mill-kompetizzjoni.

 

 

 

 





Leave a comment