Żewġ rebħiet importanti għal Starlites GIG; jerbħu wkoll Hibs u Gżira Athleta

Monday, March 19, 2018, 17:45

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

minn Colin Schembri

Starlites GIG 67

Depiro 62

(20-16)(15-25)(16-14)(16-7)

Starlites GIG irritornaw għar-rebħ fejn wara tmiem drammatiku għelbu lil Depiro 67-62. Jean Doughty għamlet three pointer fl-aħħar ftit sekondi li ta r-rebħa lil Starlites biex b’hekk huma żammew post tajjeb fil-klassifika issa li beda r-round finali qabel il-play-offs. Starlites għandhom bidla mportanti ferm f’dan l-istadju tal-istaġun hekk kif Patricia Arguello issa hija local foreigner u b’hekk l-Ispanjola l-oħra Iranzu Drake Ruiz Villar tista tilgħab magħha fl-istess ħin. Huma kellhom nieqsa lil Lindsey Pirotta fil-waqt li Depiro kienu mingħajr Claudia Camilleri u Justine Xuereb u kienu sfortunati li tilfu lil Maria Bonett b’injury lejn it-tmiem. Bonett bdiet bi three pointer hekk kif Depiro għamlu run ta’ 11-3. Huma żammew il-vantaġġ sa’ nofs il-perjodu 13-6 però hawn Starlites kellhom run ta’ 14-0 bi three pointers minn Arguello u Kirsty Galea biex temmew it-taqsima 20-16 minn fuq. Depiro rkupraw fil-ftuħ tat-tieni perjodu hekk kif bdew b’żewġ three pointers ta’ Steffi De Martino. Arguello wieġbet bi trippla oħra però Depiro rrispondew bil-punti minn Alexis Lloyd u komplew bi break ieħor ta’ 8-2 u sal-intervall irnexxielhom li jiftħu vantaġġ ta’ 6 punti 41-35.

Fit-tielet taqsima ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Depiro baqgħu fuq quddiem 49-41. De Martino kompliet bil-punti tagħha, fejn kellha trippla oħra però Starlites ma ċedewx u għalqu s-sessjoni bi three pointer ta’ Kristy Galea u basket minn Ruiz Villar għal skor ta’ 55-51. Fl-aħħar sessjoni Starlites waslu sa’ punt ‘l bogħod 56-57 wara trippla oħra minn Arguello. Depiro reġgħu rkupraw u kellhom il-punti ta’ Lloyd u trippla ta’ Martina Scicluna però dawn kienu l-aħħar punti tagħhom. Starlites bdew inaqqru l-iżvantaġġ speċjalment permezz ta’ Arguello li fl-aħħar 26 sekonda għamlet l-iskor indaqs 62-62. Depir ma skurjawx fl-attakk suċċessiv u hawn wasal it-three pointer deċisiv ta’ Doughty li poġġa lil Starlites fuq quddiem u huma għalqu l-partita bil-free-throws ta’ Arguello biex ħarġu rebbieħa 67-62.

Starlites GIG: M. Zammit Cordina , K. Galea 12, J. Doughty 3, S. Farrugia, H. Acreman, I. Ruiz Villar 21, M. Riolo, P. Arguello 25, M. Cutajar, S. Davies 2, A. Lupo 4.

 

Depiro: M. Scicluna 3, T. Mifsud, M. Bonnett 15, S. De Martino 19, N. Agius 2, N. Agius, A. Lloyd 17, C. Ciantar 6.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Vladimir Nikolic

Hibernians 64

Caffè Moak Luxol 54

(20-12)(4-16)(27-7)(13-19)

Hibs ukoll kisbu rebħa mportanti meta għelbu lic-champions Caffè Moak Luxol 64-54 biex ic-champions qiegħdin jirriskjaw serjament li ma jaslux fil-play-offs. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom b’Sam Brincat tibqa nieqsa għal Hibs li jittamaw li jirkuprawha sal-play-offs. Iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom fil-partita wara bidu bilanċjat li ra lil Hibs imorru basket minn fuq 10-8. Hibs kellhom run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Sophie Abela, Rachel Kehoe u Elena Cassar biex temmew l-ewwel sessjoni 20-12 minn fuq. Fit-tieni perjodu kien imiss lil Luxol li jieħdu kontroll tal-partita hekk kif Hibs kellhom biss żewġ baskets lejn it-tmiem. Minn naħa tagħhom il-vjola kellhom run ta’ 16-0 fejn fost l-oħrajn kien hemm trippla ta’ Kay Portelli u punti ta’ Christina Grima u Maria Brown. Qabel l-intervall kien hemm il-punti ta’ Abela u Kehoe għal skor ta’ 24-28 favur ic-champions.

It-tielet taqsima kienet bil-maqlub ta’ dik ta’ qabilha. Kienu Luxol li fetħu b’basket ta’ Brown però hawn Hibs kellhom run qawwija ta’ 23-2 b’diversi punti ta’ Kehoe, Cassar u Julia Scerri fost l-oħrajn. Brown waqqfithom b’żewġ free-throws però punti ta’ Silvia Gambino u Kehoe raw lil Hibs itemmu t-taqsima 51-35 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, reġgħu kienu Luxol li kellhom punti konsekuttivi hekk kif bdew japprofittaw mit-turn-overs tal-Pawlisti. Huma rnexxielhom jerġgħu jnaqqsu d-distakk għal 8 punti 51-59 però l-ħin kien kontrijhom u minkejja trippla ta’ Pace, Hibs għalqu l-partita b’baskets ta’ Kehoe u Gambino biex ħadu r-rebħa 64-54.

Hibs: E. Micallef, E. Cassar 8, S. Gambino 9, K. Calleja, I. Agius, J. Abela, S. Abela 14, K. Caruana, N. Farrugia, R. Kehoe 21, M. Said, J. Scerri 12.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 10, N. Vella, N. Vella, C. Grima 14, K. Portelli 3, L. Caruana Montaldo, M. Brown 25, C. Solllami, M. Darmanin, C. Curmi 2.

Referees: Emanuel Mangani, Nicky Azzopardi, Igor Marjanovic

Caffè Moak Luxol 69

 

Starlites GIG 71

(14-10)(17-8)(16-23)(14-20)(8-10)

Starlites GIG kisbu t-tieni rebħa fi spazju ta’ ftit ġranet meta għelbu lic-champions Caffè Moak Luxol 71-69 wara l-ħin barrani. Ir-riżultat tal-partita però għadu pendenti wara protest irreġistrat minn Luxol fi tmiem il-partita. Luxol kellhom lil Sarah Pace u Martina Darmanin neqsin u rritornaw Monique Caruana u Ina Baena Medina. Fil-bidu tal-partita iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin qabel ma Luxol għamlu run qasira ta’ 7-0 bi trippla ta’ Christina Grima biex temmew l-ewwel sessjoni 14-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol komplew iżidu d-distakk bi break ieħor ta’ 8-2 biex ħadu vantaġġ doppju 22-11. Starlites kellhom il-punti tal-players Spanjoli tagħhom Iranzu Ruiz Villar u Patricia Arguello li kellha wkoll trippla però c-champions daħlu jistrieħu 13 minn fuq 31-18 wara punti tal-Amerikana Maria Brown.

Fit-tielet sessjoni Luxol fetħu vantaġġ massimu ta’ 14 –il punt wara trippla ta’ Kay Portelli però hawn Starlites bdew ir-rimonta tagħhom. Huma għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Kirsty Galea, Adriana Lupo u Stephanie Davies biex naqqsu d-distakk għal 5 punti. Luxol irkupraw bil-punti ta’ Grima u trippla ta’ Cristina Sollami ħalliethom sitta minn fuq 47-41. Fl-aħħar sessjoni, Starlites kellhom bidu qawwi bi break ieħor ta’ 12-2 b’aktar punti ta’ Galea flimkien ma’ Villar u Jean Doughty biex marru 4 minn fuq 53-49. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Christina Curmi biex marru minn fuq 57-56 għalkemm Starlites kellhom żewġ trippli minn Arguello. Curmi u Grima poġġew lil Luxol basket minn fuq però fl-aħħar sekondi basket ta’ Galea għamel l-iskor indaqs 61-61 biex il-partita marret fil-ħin barrani. Hawn Luxol kienu minn fuq għal tlett darbiet però Starlites baqgħu jemmnu u trippla ta’ Galea għamlet l-iskor indaqs 69-69. Luxol fallew l-attakk ta’ wara u l-ballun wasal għand Villar li sofriet foul intenzjonali li ssarraf f’żewġ freethrows li taw ir-rebħa lil Starlites li serrħitilhom rashom minn post fil-play-offs.

Caffè Moak Luxol: M. Caruana, N. Vella, I. Baena Medina, N. Vella 5, C. Grima 10, K. Portelli 5, L. Caruana Montaldo, M. Brown 18, C. Solllami 7, C. Curmi 24.

Starlites GIG: M. Zammit Cordina , K. Galea 20, J. Doughty 3, S. Farrugia, H. Acreman, I. Ruiz Villar 16, M. Riolo, L. Pirotta, P. Arguello 22, M. Cutajar, S. Davies 6, A. Lupo 4.

Referees: Tuomas Mantere, Igor Marjanovic, Nicky Azzopardi.

Depiro 60

Gżira Athleta 70

(11-15)(23-23)(7-17)(19-15)

Gżira Athleta wkoll għamlu pass importanti għal post

Ritratt: Wally Galea

fil-play-offs meta għelbu lil Depiro 70-60. Wirja mill-aqwa mill-Amerikana Amelia Simmons b’41 punt u 28 rebound fosthom 12 fl-attakk li minnhom għamlu 16 –il punt. Depiro żammew il-pass fil-partita sat-tielet sessjoni qabel ma sofrew żewġ runs ta’ 11-0 u 7-0. Athleta bdew il-partita bil-punti ta’ Leanne Duncan u trippla ta’ Beverlee Zammit bid-Depiro jwieġbu bil-punti ta’ Steffi De Martino, Claire Ciantar u Alexis Lloyd. Trippla ta’ Nicole Agius poġġiet lil Depiro 4 minn fuq iżda hawn Athleta għamlu break ta’ 8-0 kollhu minn Simmons biex ħadu vantaġġ ta’ 4 punti 15-11. Fit-tieni perjodu Athleta kabbru l-vantaġġ għal 12 –il punt b’żewġ trippli oħra ta’ Zammit. Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk u kellhom trippla minn Martina Scicluna flimkien ma’ De Martino u Lloyd. Simmons reġgħat wieġbet għal Athleta però kienet De Martino li għamlet l-aħħar punti tat-taqsima fosthom trippla għal skor ta’ 38-34.

Fit-tielet sessjoni Depiro fetħu b’basket ta’ Agius però Athleta wieġbu bi break ta’ 11-0 minn Duncan u Simmons biex marru 13 minn fuq 49-36. Depiro waqqfuhom bi trippla minn Agius u basket ta’ De Martino qabel ma Simmons kompliet bil-wirja stupenda tagħha b’seba’ punti konsekuttivi għal skor ta’ 55-41. Fl-aħħar taqsima Athleta żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Antoinette Borg qabel ma Depiro kellhom sitt punti konsekuttivi. Depiro komplew bi trippa oħra minn Agius però Athleta ma waqfux u komplew bil-punti ta’ Simmons u Denise Said Hollier biex ħarġu rebbieħa 70-60.

Depiro:  M.Scicluna 6, T. Mifsud, L. Vella, M. Bonnett 2, S. De Martino 20, N. Agius 16, N. Agius, A. Lloyd 10, C. Ciantar 6.

Gżira Athleta: N. Borg, B. Zammit 14, L. Duncan 6, A. Simmons 41, D. Said Hollier 2, A. Borg 5, J. Schembri 2, S. Vella, E. Pace, C. Mifsud.

Referees: Emanuel Mangani, Ivica Simic, Christine Xuereb

Klassifika Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Starlites

10

6

4

16

572

602

Hibs

9

6

3

15

519

466

Gżira Athleta

9

5

4

14

527

514

Depiro

10

4

6

14

564

582

Caffe Moak Luxol

10

3

7

13

573

591

 





Leave a comment