- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Żewġ partiti nternazzjonali fil-Kroazja u l-Italja għal referee lokali

Posted By sportinmalta1 On June 5, 2014 @ 5:33 pm In Basketball,Featured | No Comments

Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball, Bernard Vassallo, se jerġa jkun impenjat fl-ambitu Ewropew b’żewġ partiti internazzjonali ta’ kwalifikazzjoni matul ix-xahar ta’ Ġunju wara li rċieva nominazzjonijiet mill-FIBA Europe. Fil-fatt il-kalendarju tal-FIBA matul is-Sajf hu riżervat esklussivament għat-timijiet nazzjonali b’logħob ta’ kwalifikazzjoni għal EuroBasket femminili matul Ġunju u mbagħad logħob ta’ kwalifikazzjoni għal EuroBasket maskili matul Awwissu.

Fil-fatt Vassallo, nhar l-Erbgħa 11 ta’ Ġunju, se jkun qed jikkontrolla il-partita ta’ kwalifikazzjoni għal EuroBasket 2015 valida minn Grupp F bejn il-Kroazja u Iżrael li se tintlagħab ġewwa Slavonski Brod.

It-tieni fażi ta’ kwalifikazzjoni, wara l-ewwel fażi sena ilu, tibda fi tmiem il-ġimgħa b’logħob kull tliet ijiem minn sitt gruppi, fejn ir-rebbieħ ta’ kull grupp jikseb kwalifikazzjoni diretta għall-finali tas-sena d-dieħla. Il-Kroazja, Iżrael u Bulgarija mistennija jissieltu għall-ewwel post fi Grupp F.

L-uffiċjali l-oħra għal din il-partita fil-Kroazja, minbarra Vassallo, se jkunu Paulo Taurino (Italja) u Peter Papp (Ungerija).

L-impenn ta’ wara għal Vassallo se jkun fis-sitt u l-aħħar ġurnata ta’ din il-fażi ta’ kwalifikazzjoni nhar il-25 ta’ Ġunju meta se jmur l-Italja u se jikkontrolla l-partita li possibilment tkun waħda deċisiva fi Grupp Ċ bejn l-Italja u l-Latvja, żewġ pajjiżi li jidhru li se jkunu l-favoriti biex jissieltu għall-ewwel post fil-grupp li hu magħmul ukoll mill-Estonja u l-Portugall.

L-uffiċjali l-oħra għal din il-partita fl-Italja, minbarra Vassallo, se jkunu Emilio Perez (Spanja) u Nikola Perlic (Kroazja).


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/zewg-partiti-nternazzjonali-fil-kroazja-u-l-italja-ghal-referee-lokali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.