Żewġ kickboxers Maltin se jiġġieldu fl-Italja nhar is-Sibt

Thursday, July 27, 2017, 18:40

26 ta’ Lulju 2017

Nhar is-Sibt li ġej żewġ kickboxers minn Team Noel se jirrappreżentaw lil Malta fi ġlidiet internazzjonali li se jsiru fi Sqallija. Christopher Rotin u Clayton Desira se jkunu qed jissieltu ma’ avversarji Taljani fis-serata Evolution Fight li se tittella’ f’Rosolini.

Christopher Rotin, li riċentament kien iddikjarat ġellied professjonali mill-WKN, se jkun qed jiġġieled bout ta’ K1 kontra l-avversarju Gino Coriolano fil-kategorija tas-76 kilogramma.

Rotin, li għandu 25 sena, għadu kemm rebaħ ġlieda internazzjonali fil-Gladiators’ Fight Night li saret f’Ħal Far fis-7 ta’ Lulju. Barra minn hekk din is-sena Rotin diġà rrappreżenta lil Malta darbtejn u rebaħ, kemm fl-Iran u anki fi Franza.

Clayton Desira se jkun qed jiġġieled bout ta’ Fight Code kontra l-avversarju Luca Lombardi fil-kategorija tat-72 kilogramma.

Desira, li għandu 27 sena, ukoll rebaħ l-aħħar ġlieda internazzjonali tiegħu kontra avversarju Taljan waqt il-Gladiators Fight Night ta’ tliet ġimgħat ilu. Għal Desira din ukoll mhix l-ewwel darba li se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fi ġlidiet barra, fejn diġà kellu l-okkażjoni jipparteċipa fi ġlidiet fl-Italja u l-Iżvizzera.

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt mal-Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew il-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.





Leave a comment