Żewġ impenji prestiġjużi fl-Ewropa għal referee lokali
Wednesday, June 15, 2011, 21:06Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball, Bernard Vassallo ġie nnominat mill-FIBA għal impenji oħra fl-isfera Ewropeja wara staġun ferm sodisfaċenti b’total ta’ tmien partiti nternazzjonali fit-tazzi Ewropej u żewġ full internationals.
Fil-fatt Vassallo se jħalli Malta din il-ġimgħa fi triqtu lejn il-Polonja għaliex hu wieħed mir-referees magħżula mill-FIBA għal EuroBasket Women 2011 fejn b’kollox ikkwalifikaw l-aqwa sittax-il pajjiż fl-Ewropa li minbarra li se jikkompetu għar-rebħ ta’ dawn il-kampjonati prestiġjużi, se jkunu wkoll qed jissieltu bi sħiħ għal uniku possibilta ta’ post fl-Olimpjadi ta’ Londra 2012. Fil-fatt ir-rebbieħa tat-titlu Ewropew jikkwalifikaw direttament għall-Olimpjadi waqt li it-timijiet li jispiċċaw bejn it-2 u l-5 post jridu jilgħabu logħob ta’ kwalifika ma’ pajjiżi minn kontinenti oħra.
Il-Kampjonat Ewropew jibda fil-15 ta’ Ġunju u se jintlagħab fil-bliet Pollaki ta’ Lodz, Katowice u Bydgoszcz bil-finali tintlagħab fit-3 ta’ Lulju.
Sussegwatament, Vassallo ġie nnominat għal-kampjonat importanti ieħor, din id-darba l-Kampjonati Ewropej Under 20 Division A ġewwa s-Serbja li jibdew fis-6 ta’ Lulju.
Il-kampjonati se jintlagħbu ġewwa l-bliet ta’ Novi Sad, Zrenjanin u Belgrad bil-parteċipazzjoni ta’ 16-il pajjiż, bir-Russja tiddefendi it-titlu mirbuħ fl-aħħar kampjonati waqt li l-aħħar żewġ pajjiżi kklassifikati jiġu relegati għal Division B.
