Żewġ impenji oħra mportanti għal referee lokali

Monday, November 30, 2009, 22:43

Wara li l-ġimgħa li għaddiet ikkontrolla żewġ logħbiet rispettivi f’Pesaro u Schio, ir-referee nternazzjonali tal-basketball, Bernard Vassallo, irċieva aktar nominazzjonijiet mill-FIBA għal partiti uffiċjali Ewropej f’dan l-istaġun.

Fil-fatt, Vassallo se jirritorna fl-Italja din il-ġimgħa stess sabiex, nhar il-Ħamis 3 ta’ Diċembru, jikkontrolla l-konfront ferm mistenni minn Grupp A tal-FIBA EuroLeague bejn ic-champions Taljani Taranto u t-team qawwi Tork Galatasaray, żewġ naħat li bħalissa qed jaqsmu t-tieni post fil-grupp kompost minn sitt teamijiet, bi tliet rebħiet u żewġ telfiet, wara l-Ispanjoli Valencia li jinsabu fil-quċċata b’rebħa aktar.

Vassallo kien nominat mill-FIBA sabiex jikkontrolla din il-partita, li se tintlagħab ġewwa l-Palamazzola, flimkien mal-Iżraelit Yair Michaelly u l-Portugiż Carlos Santos.

Ġimgħa eżatt wara, Vassallo se jerġa jkun fl-azzjoni għaliex huwa ngħata partita oħra biex huwa diġa tela’ għal sitt partiti Ewropej sa issa fl-istaġun 2009/10. Huwa se jkun fi Spanja biex fl-10 ta’ Diċembru jikkontrolla l-partita valida minn Grupp D tal-FIBA EuroCup bejn Ibiza, li jinsabu fit-tieni post, u l-leaders Polakki Polkowice. Fl-ewwel round ta’ logħob, Polkowice kienu ħarġu rebbieħa bi skor strett ta’ 48-44.





Leave a comment