Żewġ impenji nternazzjonali fil-Belġju għal referee lokali

Tuesday, October 25, 2016, 18:09

Matul din il-ġimgħa, ir-referee nternazzjonali tal-basketball Bernard Vassallo se jerġa jkun impenjat f’partiti fl-Ewropa.

Fil-fatt, wara li ġimgħa ilu kien referee ġewwa l-Isvizzera fil-partita Fribourg kontra Gdynia mill-Polonja, nhar it-Tlieta 25 ta’ Ottubru, Vassallo se jmur il-Belġju fejn se jkun involut fil-partita valida mit-tieni ġurnata minn Grupp B tal-FIBA Europe Cup maskili li se tintlagħab fl-Alverberg Arena ġewwa Hasselt bejn it-tim ospitu Limburg u l-Olandiżi ta’ Donar Groningen.

Iż-żewġ naħat bdew b’telfa rispettiva fl-ewwel ġurnata l-ġimgħa li għaddiet għalkemm Groningen b’differenza lagħbu f’darhom waqt li Limburg sfaw megħluba fl-Ungerija.

Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru, Vassallo se jkun imbagħad impenjat ġewwa Braine L’Alleud, ukoll fil-Belġju, fil-partita valida mill-ewwel ġurnata minn Grupp F tal-FIBA Euro Cup femminili bejn Castors Braine, finalisti telliefa fl-2015, u c-champions Portugiżi Uniao.

It-tim ta’ uffiċjali għal dawn iż-żewġ logħbiet, minbarra Vassallo, hu kompost minn Haris Bijedic (Bosnija) u Peter Zenis (Slovakkja)





Leave a comment