Żewġ impenji għal Alex Borg

Wednesday, October 11, 2017, 11:24

Il-plejer professjonali Malti tas-snooker Alex Borg fi tmiem din il-ġimgħa u l-ġimgħa li ġejja se jieħu sehem f’żewġ turnaments li jagħmlu parti mill-Main Tour organizzat mill-World Snooker Association.

L-ewwel impenn għal Borg se jkun fix-Shanghai Masters meta nhar il-Ġimgħa jilgħab logħba ta’ kwalifikazzjoni kontra l-plejer Ingliż David Gilbert. Din il-logħba se tintlagħab f’Robin Park Sports Centre f’Wigan, l-Ingilterra. Il-logħba tibda fil-11 ta’ filgħodu (ħin ta’ Malta) u tkun l-aħjar minn disa’ frames.

Il-Ġimgħa li ġejja Borg se jieħu sehem fl-English Open li ser jintlagħab fil-Barnsley Metrodome. Dan it-turnament jibda nhar it-Tnejn li ġej bil-Finali tintlagħab nhar il-Ħadd 22 ta’ Ottubru. Borg ikun fl-azzjoni nhar it-Tlieta fil-11 ta’ filgħodu (ħin ta’ Malta) meta jilgħab kontra Mike Dunn. Din il-logħba tkun fuq l-aħjar minn seba’ frames.

Aktar informazzjoni tista tinkiseb minn fuq il-websajt tal-World Snooker www.worldsnooker.com.





Leave a comment