Żebbuġ jilħqu lil San Ġwann fil-quċċata

Wednesday, August 21, 2019, 11:40

Żebbuġ Rangers laħqu lil San Ġwann f’ras il-klassifika ta’ The Convenience Shop Summer Cup 2019 meta f’konfront dirett huma għelbuhom bl-iskor ta’ 5-2. Min-naħa l-oħra kellna partita oħra li spiċċat bil-penalties wara li Mġarr United għelbu lil Qormi 6-5.

Din kienet it-tielet ġurnata ta’ dan it-turnament li qed jiżvolġi f’wieħed ferm interessanti b’logħbiet li qed ikunu bilanċjati u missielta sal-aħħar. Fil-fatt din kienet ir-raba’ partita minn sitta li spiċċat bl-għoti tal-penalties wara li sad-90 minuta dan il-logħob spiċċa fi dro.

Kif għedna Żebbuġ Rangers telgħu fl-ewwel post tal-klassifika ta’ dan it-turnament wara li rebħu lil San Ġwann bl-iskor ta’ 5-2. Din kienet l-ewwel telfa ta’ dawn tal-aħħar f’dan it-turnament.

Kienet partita ferm sabiħa li fiha rajna xejn inqas minn seba’ gowls. San Ġwann bdew tajjeb iżda bħal donnhom inħasdu mir-reazzjoni aggressiva ta’ Żebbuġ li dawru kompletament ir-riżultat. Protagonista ta’ din il-partita kien l-attakkant Saturday Nanapere li skorja doppjetta u kien ta’ uġigħ ta’ ras għad-difiża avversarja.

Kienu San Ġwann li marru fil-vantaġġ fil-11-il minuta permezz ta’ Jesus Curridge li approfitta minn azzjoni veloċi tat-tim tiegħu.

Żebbuġ baqgħu kalmi u ġabu l-iskor indaqs fis-26 minuta grazzi għal Muda Fagbeja li rċieva tajjeb mingħand Saturday Nanapere.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq biż-żewġ timijiet dro ta’ 1-1.

Fit-tieni taqsima Żebbuġ ħarġu ferm tajjeb u marru fil-vantaġġ fit-48 minuta b’first timer mill-isbaħ ta’ Dion Fava.

San Ġwann ittantaw iwettqu reazzjoni iżda r-Rangers kellhom ideat oħra u f’temp ta’ seba’ minuti skorjaw xejn inqas minn tliet gowls.

Mas-siegħa logħob kien Noah Ajuola li temm azzjoni persistenti ta’ Żebbuġ b’xutt ferm tajjeb.

Fit-62 minuta kien Saturday Nanapere li rċieva tajjeb u wara li qabeż żewġ plejers tefa’ l-ballun ġewwa sabiex ħames minuti wara hu skorja t-tieni wieħed personali kważi fotokopja tal-ewwel wieħed.

San Ġwann naqqsu l-marġni tal-iskor fl-74 minuta meta ngħataw penalty li ġie skorjat minn Jake Bowman.

Din kienet l-ewwel rebħa fid-90 minuta ta’ Żebbuġ wara li fl-ewwel partita rebħu bil-penalties kontra Żejtun fl-ewwel ħarġa tagħhom.

Fit-tieni partita kellna bilanċ assolut bejn Qormi u Mġarr United tant li l-partita spiċċat fi dro ta’ 2-2. Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Imġarrin li rebħu 6-5 wara l-għoti tal-penalties.

Kienet partita ta’ żewġ uċuh hekk kif Mġarr bdew tajjeb u stabilixxew vantaġġ ta’ żewġ gowls iżda fl-aħħar nofs siegħa rajna r-reazzjoni ta’ Qormi li ġabu l-iskor indaqs.

Kenneth Aquilina fetaħ l-iskor għal Mġarr sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom. Fit-tieni taqsima, huma rduppjaw l-iskor permezz ta’ Matthew Agius li skorja gowl tajjeb.

Kien hawnhekk li l-kowċ ta’ Qormi Vince Carbonaro talab aktar reazzjoni mill-plejers tiegħu u dawn ikkuntentawh meta fis-70 minuta Romulo Silva Santos naqqas il-marġni tal-iskor sabiex meta kollox deher li Mġarr kienu se jieħdu t-tliet punti wasal il-gowl drammatiku ta’ Nick Ghio.

Il-logħba marret għall-għoti tal-penalties fejn Mġarr skorjaw l-ħamsa li huma filwaqt li Qormi fallew xutt wieħed mill-ħdax-il metru.

KIF JINSABU

San Ġwan , Żebbuġ Rangers 5, Qormi 4, Żejtun Corinthians, Mġarr United 2





Leave a comment