Zammit, Aquilina u Buttiġieġ jiddominaw fl-Autocross

Wednesday, January 16, 2019, 9:03

Nhar il-Ħadd li għadda 1l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) organizzat it-tielet attivitá mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross 2018/2019 sponsorjat mid-ditta Pasta Poiatti. L-Attivita bil-karozzi saret fil-kumpless sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali, fejn 15 il-kompetitur ġew maqsuma fil-Klassi Modified u dik Standard.

Fil-klassi Modified Joseph Micallef fuq Opel Corsa iddomina l-Heats billi rebaħ żewġ Heats minn tlieta u rebaħ l-għola punti fil-ġurnata, tant li assigura postu fil-finali Klassi A. Miegħu ikkwalifikaw Melo Zammit u Terence Azzopardi it-tnejn fuq Opel Corsa, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta u Noel Zammit fuq Fiat Punto.

Mat-tluq tal-finali, Noel Zammit għamel ħruġ tajjeb segwit minn Micallef u Scicluna iżda matul it-tieni dawra Melo Zammit uża l-Joker Lap u rnexxielu jmur fuq quddiem segwit minn Micallef u Azzopardi. It-taqtigħa kompliet bejn il-kompetituri kollha fejn kien hemm stennija kbira x’se jiġri lejn tmiem il-finali, minħabba li Noel Zammit u Azzopardi kien għad kellhom iċ-ċans li juzaw il-Joker Lap. Lejn tmiem il-finali Azzopardi għadda mill-Joker Lap u dan avvanza pożizzjoni segwit minn Noel Zammit li dan ukoll spiċċa avvanza fil-pożizzjoni tiegħu. Dan wassal sabiex il-Finali intrebħet minn Melo Zammit fuq Opel Corsa, li rebaħ din it-tiġrija bil-magna mitfija bil-ħsara ftit metri ‘il-bogħod mill-bandiera. Zammit kien segwit minn Azzopardi, Noel Zammit, Micallef u Scicluna.

Fil-Finali tal-Klassi B ħadu sehem Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift, Joseph Spiteri fuq Opel Corsa, Richard Spiteri fuq Opel Nova, Nicolai Aquilina fuq Opel Corsa u Theo Micallef fuq Ford Fiesta.

Mat-tluq ta’ din il-Finali, Micallef għamel ħruġ tajjeb, tant li mill-ewwel ħa t-tmun tat-tiġrija segwit minn Aquilina u Joseph Spiteri. Fl-ewwel dawra bdejna naraw il-finalisti jagħmlu użu mill-Joker Lap fejn Micallef u Joseph Spiteri kienu minn tal-ewwel li użaw dan il-vantaġġ biex ikomplu jkabbru d-distakk fuq il-kompetituri l-oħra. It-tiġrija kompliet fejn fir-raba’ dawra Birmingham għamel uzu mill-Joker Lap u spiċċa quddiem Joseph Spiteri b’dan tal-aħħar jaqa’ pożizzjoni. Matul il-ħames dawra Micallef żviluppatlu ħsara fil-ċirkolazzjoni tal-ilma u kellu jirtira mit-tiġrija. B’hekk Aquilina beda jillidja l-finali u żamm postu sat-tmiem. It-tiġrija b’hekk intrebħet minn Nicolai Aquilina, sewwieq zagħzugħ li kkompeta għall-ewwel darba. Dan kien segwit minn Birmingham, Joseph Spiteri, Richard Spiteri u Micallef.

Mill-Klassi Standard kellna l-linja tat-tluq komposta minn Jerom Peplow fuq Kia Avella, Nicovich Chircop fuq Peugeot 106, Melvin Buttigieg fuq Citroen AX, Kyle Agius fuq Opel Nova u Quinn Camilleri fuq Citroen Saxo. Mat-tluq Chricop għamel ħrug tajjeb flimkien ma’ Agius b’Chricop jieħu t-tmun tal-finali segwit minn Agius u Buttigieg. Iżda ftit wara l-ewwel kantuniera Agius għamel kuntatt ma’ Chricop fejn dan tal-aħħar spiċċa inqeleb mal-ġenb tal-korsa bir-referee tal-ġurnata jissospendi lil Agius. B’hekk Buttigieg spiċċa jillidja segwit minn Camilleri u Peplow. Wara dan l-inċident ma kellna l-ebda tibdil fil-pożizzjonijiet bir-rizultat finali juri lil Buttigieg rebbieħ segwit minn Camilleri u Peplow. Fir-raba’ post spiċċa Chircop.

Intant nhar il-Ħadd li ġej l-ASMK ser tkun qed torganizza t-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2018/2019. Din l-attività ser issir fil-Barriera tal-Fawwara u tibda fl-10 am. L_ASMK tinforma li għaddejja bit-tħejjijiet għal Demolition Derby għas-sewwieqa Nisa tant li nhar il-Ħamis 24 ta’ Jannar 2019 ħa ssir laqgħa għal dawk interessati li jieħdu sehem. F’din il-ġurnata jsiru wkoll l-aħħar reġistrazzjonijiet. Il-laqgħa ħa ssir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport Pembroke u tibda fit-8 pm.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fuq www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel ukoll kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment