Yamaha Gozo Motocross Championship – It-tielet Round

Tuesday, January 10, 2017, 22:30

Gavin Muscat

Wara assenza kemxejn twila minħabba kundizjonijiet ħżiena fit-trekk, il-Gozo Motorcross Association organizzat it-tielet rawnd mill-Yamaha Gozo Motocross Championship 2016/17 bil-partecipazzjoni ta’ diversi sewwieqa Għawdxin li wrew ħila nkredibbli fuq il-muturi tagħhom. It-tlielaq kienu kompetittivi aktar minn qatt qabel fejn rajna sewwieqa ta’ kalibru kbir jissieltu għall-ewwel tliet postijiet. Il-kompetizzjonijiet bdew fis-1pm, segwiti minn numru kbir ta’ spettaturi li għażlu li jqattgħu l-ħin tagħhom Ta’ Xħajma jissapportjaw lil dawn is-sewwieqa u dan l-isport  tant maħbub.

Bħas-soltu kien hemm tliet klassijiet. Fi Klassi A , is-sewwieq Mario Cauchi iddomina l-ġurnata hekk kif hu u Steve Xuereb issieltu għall-ewwel post. Infatti Cauchi spiċċa fl-ewwel post segwit minn Xuereb fuq Honda CRF 250cc. Warajhom daħal Etienne Bigeni filwaqt li rajna r-ritorn ta’ ħuh Joseph Bigeni li ċċalinġja lil Robert Spiteri għar-raba pożizzjoni.

Fil-kategorija B rajna taqtiegħa nteressanti ferm bejn Keith Bugeja fuq il-Yamaha tiegħu ġdid fjamant tas-sena 2016, Nataniel Camilleri, Matthew Zammit u Jorn Stellini. Zammit daħal it-tieni waqt li Camilleri ġie fit-tielet post. Bugeja rebaħ din il-kategorija.

Fi Klassi Ċ ukoll segwejna tlielaq interessanti ferm bejn is-sewwieqa Daniel Camilleri, Anthony Fenech, Joseph Luke Gauci u Mark Camilleri. Gauci  irnexxielu jakkwista is-sittin punt tal-ġurnata, segwit mill-qrib minn Anthony Fenech fuq KTM SX 85cc. Daniel Camilleri daħal it-tielet.

Il-president tal Gozo Motocross Association, Frank Xuereb qassam it-trofej lir-rebbieħa ta’ kull klassi.

Gozo Motocross Association tavża li r-raba rawnd ta’ dan il-kampjonat issir nhar il-Ħadd 15 ta’ Jannar 2017 fit-trekk Ta’ Xħajma. L-attivita’ tibda fis-1pm.

L-għaqda kontinwament tħeġġeġ aktar sewwieqa, speċjalment tfal u żagħżagħ addoloxxenti ħalli jiġu jippartiċipaw f’dawn l-attivitajiet.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook

 





Leave a comment