Yachts u PowerBoats:Kampjonati Internazzjonali f’Malta se jħallu nofs miljun ewro fl-ekonomija

Friday, October 9, 2015, 17:41

Gavin Muscat

F’konferenza stampa, jumejn qabel  il-bidu tat-Thundercats World Championship li se jittellgħu għall-ewwel darba f’Malta, Wilfrid Buttigieg – CEO ta’ Yachting Malta spjega li dawn il-kampjonati se jħallu man-nofs miljun ewro fl-ekonomija Maltija.

It-Thundercats World Championship li se jkun mifrux fuq sebat ijiem hu avveniment storiku li fih se jinvolvi 30 tim minn 10 pajjiż differenti, fosthom: l-Afrika t’Isfel, l-Ingilterra kif ukoll Malta.

L-avveniment se jixxandar internazzjonalment fosthom fuq SKY TV b’udjenza li tista’ titla’ għal 200 miljun.

“Yachting Malta li twaqqfet ftit tax-xhur ilu kellha mira ewlenija: dik li tgħin u tassisti entitajiet li jressqu proġetti fuq pjattaforma internazzjonali lejn pajjiżna. Din it-tellieqa għandha l-ingredjenti importanti li jikkwalifikawha għal appoġġ fosthom: it-turiżmu li qed tiġġenera, it-tul tal-attivita’ li se sservi ta’ gallerija internazzjonali biex Malta u s-sbuħija tagħha jinfirxu internazzjonalment,” sostna Wilfrid Buttigieg, CEO ta’ Yachting Malta.

“Avvenimenti sportivi ta’ din ix-xorta huma kruċjali għax iħallu impatt posittiv fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Qed ikun stmat li dan il-kampjonat, li se jibda nhar is-Sibt u li se jkun mifrux fuq 7 ijiem, se jħalli nofs miljun ewro fl-ekonomija ta’ pajjiżna,” spjega s-CEO ta’ Yachting Malta Ltd.

Ray Bugeja, organizzatur tal-Kampjonati li se jsiru f’Malta spjega kif hu kburi li ntagħżlet Malta biex tittella’ l-kampjonat dinji fiha.

“Fl-Ewropa dawn it-tip ta’ tlielaq jieqfu. Imma l-klima Maltija f’Ottubru, toffri l-aqwa elementi għal dan l-isports. Din hi dixxiplina affaxxinanti li qed tattira ħafna żgħażagħ madwar id-dinja.” qal Bugeja.

“Filwaqt li dixxiplini oħra jitolbu investimenti kbar ta’ eluf ta’ ewro biex wieħed jixtri l-opra tal-baħar, din id-dixxiplina partikolari teħtieġ investiment kapitali minimu ta’ madwar €7,000.”

Tkellmet ukoll Fiona Pasco Chairperson UIM Thundercats Committee & World Championship li fissret li “Malta kienet għażla eċċellenti għal dawn il-kampjonati. Dan hu sports li jibni fuq il-kunċett ta’ kommunita’ bejn il-parteċipanti u nawgura li Malta tkun biss il-bidu ta’ xi ħaġa ferm akbar għal kompetizzjonijiet oħra futuri.”

Aaron Ciantar President tal-Assoċjazzjoni tal-Power Boats fisser l-apprezzament tiegħu lejn din l-attivita’ internazzjonali u awgura li Malta tkompli tibni fuq l-isem tajjeb ħafna li kisbet fil-qasam marittimu.  Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, b’koordinazzjoni ma’ Transport Malta saret wirja fil-Port minn uħud mill-parteċipanti tat-Thundercats.





Leave a comment