- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

X’qed jistennew in‐nies fir‐Regatta Nazzjonali?

Posted By Sportinmalta On September 11, 2015 @ 12:23 pm In Featured,Other,Regatta | No Comments

Artiklu ta’ Gianluca Lia (student fit‐tieni sena fl‐Universita` ta’ Malta fuq Media and Communication Studies and European Studies) ikkumissjonat minn Joseph N Grima. Statistika miġbura permezz ta’ survey konsultativ (li ma sarx fuq bażi xjentifika) min fuq is‐sit tal‐Facebook Group ‘Ir‐Regatta Tradizzjonali Tagħna l‐Maltin’.

_________________________________________________________________________________________________________________

It 8 ta’ Settembru reġa’ magħna u dan ifisser li waslet edizzjoni oħra tar‐Regatta Nazzjonali. Il‐ preparazzjonijiet tal‐membri li jikkomponu id‐distretti ilhom sejrin xhur bla waqfien. Ma jonqosx anke l‐interess tad‐dilettanti, speċjalment dawk li jżommu ma xi distrett partikolari. Iżda minkejja dan, din it‐tradizzjoni ferm antika qiegħda tikkumbatti ċertu sitwazzjonijiet sabiex fil‐futur qarib, dan l‐sport jerġa’ jieħu il‐ħajja biex eventwalment terġa’ tibda tkun fuq fomm in‐nies f’aspett pożittiv.

Minkejja li ta’ kull sena, ir‐Regatta Nazzjonali dejjem tibqa kompettitiva fost il‐qaddiefa, l‐ilmenti tan‐ nies. speċjalment id‐dilettanti tar‐Regatta illi jitilgħu sabiex isegwu din il‐manifestazzjoni qegħdin sena wara sena jiżdiedu. Hawnhekk jista jidħol il‐konflitt bejn żewġ lenti differenti; dik tal‐ parteċipanti u dik tad‐dilettanti. Filwaqt li ċertu ilmenti tad‐dilettanti ma jiġux innutati mid‐distretti, huwa ta’ bżonn urġenti illi dawn l‐ilmenti ma jaqgħux fuq widnejn torox sabiex jiġi salvata u msaħħaħ dan l‐isport ferm sabiħ u għall‐qalbna.

Din il‐ġimgħa, fil‐grupp Ir‐Regatta Tradizzjonali Tagħna il‐Maltin sar kwestjonarju propju lill dawk in‐ nies illi għandhom għal qalbhom ir‐Regatta Nazzjonali sabiex jiġu identifikati il‐problemi bl‐iskop li jinstabu soluzzjonijiet. Kien hemm rispons qawwi fejn fi ftit ġranet ipparteċipaw kważi mitt persuna li maġġor parti minnhom kollha semmew ilmenti differenti u dan jirrimarka il‐fatt illi hemm bżonn tibda l‐ħidma mill‐aktar fis possibli sabiex ma jintilifx l‐interess ta’ dawn il‐persuni li ġenwinament jitilgħu bi ħġarhom fit‐8 ta’ Settembru biex isegwu ir‐Regatta.

F’dan il‐kwestjonarju illi sar, kull parteċipant ġie mistoqsi, fost l‐oħrajn, żewġ mistoqsijiet importanti: X’jgħoġbok l‐iżjed fir‐Regatta ? u hemm xi ħaġa li ddejqek fir‐Regatta ? Dawn il‐mistoqsijiet saru bl‐ iskop li tiġi stabbilita stampa ċara ta’ kif qed tiġi interpretata din it‐tradizzjoni f’għajnejn id‐dilettant.

Meta il‐parteċipanti ġew mistoqsija dwar x’inhuma l‐iżjed affarijiet sbieħ, jissemma l‐fatt li dan huwa sport tradizzjoni Malti. Spikkaw risposti bħal ‘pika sportiva’, ‘il‐kompetizzjoni bejn il‐qaddiefa u id‐ distretti’, ‘l‐entużjażmu li jinħoloq fil‐ġranet ta’ qabel illi jwasslu għat‐8 ta’ Settembru’ u anke kien hemm minn semma xi tiġrija partikolari illi toħloq ċertu interess fost id‐dilettanti. Ta’ min isemmi wkoll, li kien hemm minn anke semma l‐opri innifishom, it‐taħriġ li jsir u anke l‐format li biħ ssir ir‐ Regatta bħala attrazzjoni prinċipali u illi jagħmlu din l‐manifestazzjoni interessanti.

Min‐naħa l‐oħra iżda, meta id‐dilettanti ġew mistoqsija rigward il‐problemi u x’inħu jżomm milli dan l‐sport jiżviluppa, inkixfu ħafna problemi u fatti evidenti illi juru in‐nuqqas ta’ żvilupp fir‐Regatta fl‐ aħħar snin. Hija għafsa ta’ qalb meta fost ir‐risposti tara ‘nuqqas ta’ patrijottiżmu’, ‘jirbaħ minn għandu l‐iżjed flus’ jew anke l‐fatt li jkun hemm xi irregolaritajiet rigward użu ta sustanzi partikolari. Dan juri biċ‐ċar illi l‐problemi huma gravi u l‐passi għandhom jittieħdu b’mod urġenti sabiex nevitaw li din it‐tradizzjoni tmut mewta naturali. Fost problemi oħra li ġew mniżżla kien hemm l‐argumenti bejn id‐distretti illi, kif qalu id‐dilettanti stess, ma jagħtux stampa pożittiva lill dan l‐sport.

Ikkummentaw ukoll dwar il‐fatt li meta jaħbtu xi dgħajjes, ħadd ma qiegħed jiġi skwalifikat u b’hekk ma tkunx qed tevita milli terġa sseħħ darb’oħra. Kien hemm ukoll tgergir dwar il‐proċess tal‐protesti illi jew idum ħafna jew inkella il‐judges ikunu influwenzati/ma jkunux kompetenti u tiġi meħuda deċiżjoni żbaljata.

Suġġeriment interessanti illi ġie mniżżel minn wieħed mill‐parteċipanti fil‐kwestjonarju kien li jekk tinbidel is‐sistema tal‐punti, ir‐Regatta tibqa interessanti sal‐aħħar tiġrija u mhux wara żewġ tiġrijiet tkun taf min se jirbaħ diġa u eventwalment l‐spettaturi jkunu diġa fi triqthom lejn id‐dar qabel ma tispiċċa propju ir‐Regatta. Punt ieħor li ġie msemmi kien il‐bżonn ta’ loudspeakers effiċjenti sabiex l‐ spettaturi jkunu mgħarfa fuq il‐pjazzamenti wara kull tiġrija u anke rigward il‐klassifika parzjali. Hija problema għal dawk li jkunu faċċatta id‐dwana biex jisimgħu min ġie l‐ewwel jekk ma jkunx hemm attrezzament ta’ sound tajjeb.

Il‐problemi li huma evidenti fir‐Regatta ma jolqtux biss lid‐distretti iżda anke lill lis‐spettaturi illi jattendu fejn fost l‐ilmenti li kien hemm, l‐aktar li jispikka huwa dak li ma hemmx post partikolari fejn l‐spettaturi u il‐partitarju jistgħu jistkennu mix‐xemx qalila ta’ Settembru. Għal din il‐problema kien hemm wkoll minn semma illi jistgħu jsiru seating areas bi ħlas għal dawn in‐nies fejn filwaqt li inti qiegħed tevita ix‐xemx, qiegħed wkoll tgawdi minn spettaklu ta’ opri tal‐baħar,

Apparti dawn il‐problemi iżda, ġew mniżżla anke problemi li huma iżjed gravi u urġenti. Nibdew billi nsemmu illi il‐qaddiefa qegħdin jilmentaw ħafna illi waqt it‐taħrig qegħdin ikunu jiġu ostakolati mit‐ traffiku li hemm fil‐port illi apparti il‐fatt li joħolqilhom problema bil‐mewġ, joħolqilhom anke sitwazzjoni ta’ periklu kemm għalihom u kemm għat‐tfal żgħar li ġieli jkunu magħhom fuq id‐dgħajsa. Permezz ta’ din is‐sitwazzjoni perikoluża, ir‐responsabilta’ fuq il‐qaddiefa qegħda tkun wisq kbira għaliex barra li jrid jaħseb fuq il‐prestazzjoni tiegħu, irid jaħseb anke fuq it‐tfajjel ċkejken li jkollu miegħu fuq l‐opra. Il‐kompetizzjoni bejn kategorija A u B kienet problema oħra msemmija f’dan il‐kwestjonarju fejn ġie sottolinejat illi il‐flus kbar li daħlu f’dan l‐sport qegħdin ikissru il‐kategorija A (dik li suppost għandha tkun l‐iżjed importanti) u il‐prestiġju tagħha qiegħed jintiret lejn kategorija B fejn id‐distretti qegħdin jinvestu iżjed. Forsi id‐distretti u l‐qaddiefa jħossu li din hi kategorija iktar ġenwina fejn l‐ispirtu sportiv jispikka iktar ?

Pero l‐aktar li spikkat fost in‐nuqqasijiet kienet it‐tul esaġerat ta’ ħin tar‐regatta. Kemm ħafna tgergir dwar l‐stennija bejn tiġrija u oħra li jwassal għal dewmien sabiex tiġi konkluża edizzjoni partikolari tar‐regatta. Għal ċertu nies, din turi nuqqas ta’ kompetenza fost il‐ġurija u l‐organiżżaturi sabiex jiġi deċiż riżultat u anke nuqqas ta koperazzjoni bejn id‐distretti sabiex ma jkunx hemm telf ta’ ħin bejn tiġrija. Meta l‐ħin jibda jitwal, awtomatikament jonqos l‐interess tal‐partitarju għaliex ma jistax jkun li tistenna madwar nofsiegħa sabiex joħroġ riżultat. Barra minn hekk, ma nistgħux ninsew fil‐ħinijiet li tkun qed tiġi organiżżata ir‐Regatta ikun hemm ħafna xemx u hija ħaġa diżrispettuza li inti ma ġġibx quddiem għajnejk l‐istennija tal‐partitarju kemm għar‐riżultat u kemm anke għat‐tiġrija li jmiss. Dan biex ma nsemmux il‐qaddiefa li jkunu qed jistennew bil‐ħniena fix‐xemx fuq il‐baħar sabiex jieħdu sehem fit‐tiġrija li jkun imiss. Mill‐ammont ta’ risposti li daħlu, jidher ċar illi regatti twal u ħela ta’ ħin m’għadomx aċċettabli għan‐nies.

F’dan ir‐rigward, kien hemm anke mistoqsija speċifika rigward kemm jixtiequ il‐parteċipanti li ir‐ Regatta tieħu ħin.Il-maġġor parti tar‐risposti kienu madwar tlieta jew erba’ siegħat (medja ta’ 3 sigħat u nofs). Kien hemm anke minn semma sagħtejn jew ħames siegħat iżda dawn kienu ftit.

Ir-riżultati tas-survey(Agħfas fuq l-istampa biex tara iktar ċar)

Meta jara dan kollu wieħed bil‐fors jistaqsi: Biex qed tmur lura ir‐Regatta? Tgħid wasal iż‐żmien biex id‐distretti jimmaturaw u jifhmu li n‐nies qed tistenna iktar effiċjenza minn‐naħa tagħhom? Jekk in‐ nies iridu Regatta ta’ bejn tlieta u erbgħa sigħat, irid bilfors jonqos il‐ħin bejn it‐tiġrijiet fejn ikun hemm tiġrija li titlaq, bejn wieħed u ieħor, kull għoxrin minuta. Kieku veru jsir hekk, il‐qaddiefa u partitarji jdumu inqas fix‐xemx, l‐ispettaklu jikber, u b’hekk in‐nies li jiġu jaraw it‐tiġrijiet jiżdied.

Ovvjament, Regatta ssir mhux biss għall‐ispettaturi, iżda wkoll għall‐qaddiefa parteċipanti. Kullħadd jixtieq jirbaħ. Iżda x’jaħsbu d‐dellittanti? Waħda mill‐mistoqsijiet tal‐kwestjonarju staqsiet proprju dan: Min taħseb li se jirbaħ ix‐shield tal‐Kategorija A? Ir‐risposti jitkellmu waħedhom. Iktar min nofs il‐parteċipanti jaħsbu li se jirbħu l‐Marsa. Bormla u Birżebbugia jissemmew ukoll iżda mhux daqs id‐ distrett tal‐Marsa. Pero` il‐futur ma’ jafu ħadd, u l‐Malti jgħid, ‘it‐tiġrija sal‐barkun’ (li llum sar il‐line virtwali tal‐photofinish).

Li hu żgur hu li d‐distretti jistgħu, jekk iridu, jgħinu biex ir‐Regatta tiġi organiżżata b’mod aħjar u l‐ ispettaklu jikber b’affarijiet żgħar. L‐ewwel fosthom tista tkun li jaqblu bejniethom li jsir programm uffiċjali fejn jitħabbar min qabel il‐ħin tat‐tiġrijiet, bħal ma sar fit‐tiġrjiet ta’ l‐Under 18 ta’ din is‐sena. Bi programm stabillit min qabel, kullħadd ikollu idea x’inhu jiġri, ma jinħelix ħin bejn tiġrija u oħra, u r‐Regatta tieħu xejra ferm iktar organiżżata. Possibli huwa daqhekk diffiċli li jsir programm b’tiġrijiet kull għoxrin minuta u kullħadd iżomm miegħu ?

Huwa veru li r‐Regatta hija tradizzjoni u parti mill‐programm uffiċjali taċ‐ċelebrazzjonijiet tal‐Jum Nazzjonali tat‐8 ta’ Settembru, Jum il‐Vitorja. Pero, ir‐Regatta Maltija ma’ tistax titqies bħala tradizzjoni jew attrazzjoni turistika biss għaliex din hija, fuq kollox, l‐avveniment sportiv li l‐qaddiefa Maltin ikunu qed jistennew bi ħġarhom sena sħiħa. Dawn jagħmlu sena jittrenjaw biex jirbħu xi palju jew eventwalment ix‐shield

Żgur mhux forsi illi dawn l‐ilmenti u il‐problemi msemmija mhux ħa jaqgħu fuq widnejn torox u il‐ ħidma ħa tkun waħda preċiża u li ħa tipprova tolqot kull ilment possibli sabiex nerġu’ nagħtu il‐ħajja lil din it‐tradizzjoni sportiva Maltija.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/xqed-jistennew-in%e2%80%90nies-fir%e2%80%90regatta-nazzjonali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.