Xeni żejda mill-MFA hekk kif tinqeda bil-Clubs sabiex tipprova tikseb simpatija mill-pubbliku

Monday, October 23, 2017, 12:17

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tiddisassoċja ruħha mill-’Istunt’ ta’ propoganda li ppruvat tagħmel l-MFA billi ħarġet strixxun qabel il-logħbiet mill-kampjonat BOV Premier fi tmiem il-ġimgħa bil-kitba: ‘Football for Life Supports Free Press’. (Ritratti annessi)

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tixtieq tirrispondi lill-MFA għal dan il-banner b’żewġ frażijiet ukoll bl-ingliż:

‘Practice what you preach’ u ‘Charity begins at home’

Filwaqt li l-GħĠS tingħaqad mal-IĠM u mas-sooċjeta’ ċivili biex tikkundanna bis-sħiħ l-att li wassal għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-pubbliku ġenerali u l-pubbliku sportiv għandu jiftakar li sal-lum il-ġurnata minkejja li l-MFA qed tgħajjat favur il-Free Press, il-media sportiva lokali għadha mċaħħda milli tidħol tirraporta l-andament tal-Kunsill tal-MFA. Din id-deċiżjoni ttieħdet aktar kmieni din is-sena. Dan biex wieħed ma jinsiex id-diversi tentattivi regolari mill-ogħla uffiċjali tal-MFA biex isir sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti sportivi li huma kritiċi lejn id-deċiżjonijiet kontrovesjali u mhux popolari tal-istess MFA.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tikkundanna dan l-aġir mill-MFA li ppruvat tirkeb fuq il-karru tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sabiex tipprova tikseb is-simpatija tal-pubbliku u toħloq aljenazzjoni alternattiva.  Daphne Caruana Galiza ma kintix ġurnalista li tirraporta l-isports wisq anqas il-football lokali u allura l-każ tagħha qatt ma kellu jintuża b’dan il-mod mill-MFA.

Għaldaqstant  l-MFA qatt ma missha ndaħlet biex turi simpatija mal-ġurnalisti li hi stess ma tistmax. Għaldaqstant dan l-istrixxun kienet messa in xena żejda !





Leave a comment