Xahar ferm sodisfaċenti għat-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ

Tuesday, July 28, 2015, 19:52

Gavin Muscat

Matul ix-xahar ta’ Lulju, erba’ timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ kellhom impenji uffiċjali fil-Kampjonati Ewropej Diviżjoni Ċ fejn inkisbu riżultati sodisfaċenti f’ċertu kategoriji u li jkomplu jimlew lil Malta Basketball Association b’determinazzjoni biex jitkompla x-xogħol u l-investiment li qed isir fl-Akkademja tal-basketball li ġiet imwaqqfa fl-aħħar snin.

L-aqwa riżultat kien dak miksub mit-tim femminili ta’ taħt it-tmintax il-sena meta ġewwa Ġibilta’ kisbu l-midalja tal-fidda u kellhom ibaxxu rashom biss kontra l-qawwa tat-tim b’saħħtu mill-Iskozja. It-tim immexxi minn Sandro Farrugia kien konsistenti fil-partiti l-oħra u mmeritah dan is-suċċess b’telfa waħda biss fil-kompetizzjoni.

Iż-żewġ timijiet nazzjonali rispettivi tas-subien u l-bniet ta’ taħt is-sittax il-sena kisbu l-midalja tal-bronż fil-Kampjonati Ewropej li saru ġewwa San Marino u Andorra rispettivament.

It-tim tas-subien immexxi minn Gabriele Alesse kellu bidu tajjeb għal kompetizzjoni pero tilef fis-semifinali kontra Kosovo imma rnexxielu jegħleb lil Wales 53-44 fil-partita għall-bronż.

Minn naħa l-oħra, it-tim tal-bniet, immexxi minn Sandro Farrugia, issorprenda meta, fil-Kampjonati li ntlgħabu ġewwa l- Andorra, kiseb post fis-semifinali fejn tilef bi skor strett kontra l-Armenja. Madankollu, il-players żgħażagħ femminili Maltin kienu superjuri fil-partita għall-bronż u għelbu lil Wales 53-35.

Matul Lulju kien ukoll impenjat it-tim nazzjonali tas-subien ta’ taħt it-tmintax il-sena li kellu mument pożittiv b’rebħa kbira fuq San Marino li aċċertathom mir-rebħ tal-grupp fil-fażi nnizzjali imma mbagħad kellhom ibaxxu rashom kemm fis-semifinali kontra Andorra kif ukoll fil-logħba għall-bronż kontra Wales.

Ta’ min isemmi wkoll li tliet players Maltin intgħażlu rispettivament fl-għażla tal-aqwa plejers fil-Kampjonati. Kurt Cassar kien wieħed mill-aqwa ħames plejers magħżula waqt il-kampjonati under 16 tas-subien waqt li Hannah Al Tumi u Sophie Abela ntgħażlu rispettivament fil-kampjonati under 18 u under 16 femminili.

______________________________________________________________________________________

It-tim Malti tal-Under 18 tal-Irġiel

It-tim Malti tan-nisa tal-Under 18 li rebaħ il-fidda u ġie it-tieni

 

 

 

 

 

 

It-tim Malti tan-nisa tal-Under-16 li rebaħ il-Bronż

It-tim Malti tal-irġiel tal-Under 16 li ukoll rebaħ il-Bronż





Leave a comment