X’Ħadna mill-logħba tal-Ġermanja ?

Sunday, May 16, 2010, 13:30

minn Sandro Micallef.

Il-Logħba ta’ ħbiberija li t-team Nazzjonali Malti lagħab kontra l-Ġermanja nhar il-Ħamis ġiet u għaddiet. Kieni hemm diversi punti pożittivi li ħarġu minn dan il-konfront fosthom l-element ta’ konċentrazzjoni f’waqtiet tal-logħba meta l-affarijiet ma kienux ġejjien tajbin. Xbajna naraw logħbiet fejn bi żball ta’ xi player jew ieħor imorru il-baħar u nibqgħu naqilgħu goal wara goal. Mhux hekk jista’ jinghad għal-logħba ta’ kontra l-Ġermanja fejn għalkemm qlajna tlett goals f’dan il-konfront ma kienx hemm mumenti ta’ distrazzjoni sepċjalment wara l-auto goal ta’ Scicluna. Wara dan il-goal il-players ħadmu iktar għal xulxin u ppruvaw jinsew kemm jista’ jkun malajr l-iżball ta’ sħabhom.

B’team orfni minn diversi players fuq deċiżjoni ta’ John Buttigieg fosthom Gilbert Agius, Brian Said, Luke Dimech, Terrence Scerri, Kevin Sammut u Paul Fenech fost l-ohrajn, ippruvajna nikkontenew l-avversarji li minkejja li kienu mingħajr l-aqwa elementi ta’ Bayern Munich, Werder Bremen u anke mingħajr Ballack kellhom partita pożittiva qabel ma jitilqu lejn l-Afrika t’Isfel  għat-Tazza tad-Dinja. Il-players Ġermaniżi li lagħbu, speċjalment iż-żgħażagħ li ingħataw iċ-ċans minn Low, riedu juru x’jafu u għalhekk ħarġu għalina biex ifittxu jiskurjaw ħafna goals u jippruvaw jgħollu l-moral quddiem il-pubbliku tagħhom stess.

Rajt diversi players li għoġbuni ħafna fosthom Haber li kien perfett f’dak kollu li għamel u b’dawk is-saves li ġab beda jnissel fiduċja minuta wara minuta fil-players sħabu. Ħadt pjaċir ukoll ninota li Haber ma baqghax jilgħab dawk id-drop kicks fit-tul mingħajr direzzjoni, issa jidher li hemm pjan tattiku differenti kull meta jkollu f’idu l-ballun Haber. Kien tajjeb ukoll Andrei Agius li logħba wara logħba qiegħed jikber fil-prestazzjonijiet tiegħu fejn qed idaħħal ukoll dak l-element ta’ kattiverja aċċettata speċjalment meta jiġi biex jimmarka fis-set pieces. Trevor Cilia li daħal fl-ewwel minuti  flok Jamie Pace deher maħsud li spiċċa fit-team daqshekk kmieni fil-partita…. żgur li ma basarx li kellu jilgħab iktar minn 90minuta. Cilia kellu staġun tajjeb ma’ Birkirkara u żamm dan ir-ritmu wkoll fil-logħba tal-Ġermanja. Kellhom biċċa xogħol iebsa wkoll Andrew Cohen u Ryan Fenech fin-nofs li pprovaw iżommu l-ballun kemm jista’ jkun f’saqajhom biex jiżdied il-pussess tagħna imma mhux dejjem kien possibli . L-aħħar kumment fuq Massimo Grima fir-ritorn tiegħu man-Nazzjonal. Grima kellu bidu tajjeb iżda wara siegħa logħob batta ħafna ma nafx x’kienet ir-raġuni. Forsi issa Buttiġieg iddispjaċieħ li ma għażilx lil Paul Fenech li probabbilment kien jiflaħ logħba sħiħa u konna nkunu iktar preċiżi fil-passes speċjalment fid-direzzjoni ta’ Michael Mifsud.

Size wieħed ta’ gearijiet

Intant waqt li kont qed nivvjaġġa lura mat-team Nazzjonali minn Dusseldorf  għal Malta bħas-soltu skoprejt xi kurżitajiet li xtaqt naqsam magħkhom. Rajtuħ daqxejn kbir il-flokk il-ġdid tal-Givova fuq Mifsud u Cohen ? U żgur li kien kbir ! Id-ditta bagħatet size wieħed tip ta’ one zise fits all ! U mhux hekk biss, il-Givova l-anqas basktijiet ma bagħatet biex jinġarru l-kits uffiċjali u t-training kits. Il-Kit Manager Frankie Ciantar kellu jġorr kollox fil-basktijiet l-antiki bil-logo tad-Diadora. Appell lill-Familja Vella tat-Tutto Sport : għafsu fuq it-taljani biex jibgħatu kunsenja suret in-nies għaliex smajt li saħansitra l-U/21 u n-Nisa ukoll baqgħu b’xejn u se jilgħabu bil-kits tad-Diadora fil-jiem li ġejjien fil-logħbiet li għandhom.

Delegazzjoni kbira ma’ Mifsud

Intant mad-delegazzjoni Maltija telgħu diversi membri tal-kunsill, numru ftit ikbar imma minn dak tas-soltu. Telgħu mad-delegazzjoni mmexxija minn Joe Mifsud fost l-oħrajn Jesmond Abela il-Huc tal-Hibs, Gerald Ellul tal-Birgu, Alvin Grech President tal-GFA u Twanny Agius tal-MAFA. Min jaf jekk dawn hux se jivvutaw lil Mifsud fl-elezzjoni għal-Presidenza tal-MFA f’Lulju. U bilħaqq tela’ wkoll il-Ġermanja Bjorn Vassallo l-għadu numru wieħed ta’ Joe Mifsud fl-Eżekuttiv u l-id il-leminja ta’ Norman Darmanin Demajo. Is-sorsi tagħna qalulna li Vassallo kien ilu tlett ġimgħat li informa lill-President Joe Misud li hu kien se jitla’ l-Ġermanja u jħallas minn butu iżda kien qed jitlob trasport mill-ajruport sal-lukanda flimkien mal-entourage kollu. Ġara li Vassallo tħalla l-art u kellu jaqbad it-train wara li waslitlu risposta fuq l-ajruplan stess li ma kienx hemm post għalih.





4 Comments

  1. Sandro, stajt ma rrispondejtek xejn! Pero jien inzertajt minhix it-tip, u ser nirrispondik ghax semmejt ismi. Tajjeb li tkun taf li din kienet l-ewwel okkazzjoni tieghi li nsiefer mal-MFA, u ilqajt din it-talba li saritli bil-qalb kollha, bhal ma naf li ghamlu dawk kollha li kienu mieghi ma din id-delegazzjoni li inti qed issejhila kbira. Ma rridx nidhol fil-mertu jekk id-delegazzjoni kinetx kbira jew le, pero fuqi personali nhoss li ghax xoghol kollu li naghamel u VOLONTARJAMENT ghal football ingenerali din is-safra kienet just zbiba go kejk……. Ara ma tahsibx li jien l-ewwel wiehed kont qed nistenna l-hniena biex immur nara loghoba football barra l-pajjiz….
    Fuq il-mistoqsijja l-ohra li staqsejt jekk ahna tad-delegazzjoni hux ser nivvutaw lil Dr.Mifsud ghax hadna il-Germanja, nahseb li mhux fil-kompitu tieghek li tkun taf ahna jew il-club taghna lil min ser nivvutaw. Jidher car li min diskorsok qed tahsibna tfal zghar li nigru wara c-cejca, Imma mhux il-kas habib. Inselli ghalik Sandro u narak habib.

    [Reply]

  2. Unbelievable! The Race is On for the M.F.A Presidency… it shows from this article that certain tactics works. I hope that Bjorn Vassallo is back with more tenacity to help his boss De De after his sour experience, to win ‘The Battle of M.F.A’

    [Reply]

  3. Chris Azzopardi says:

    Ma jafx jisthi Mifsud, ahjar iwarrab ghax zmienu ghadda u qissa qed jaqa’ fic-cucati.

    [Reply]

  4. vfc says:

    X misthija!!!!

    [Reply]

Leave a comment