- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Wirjiet pożittivi fit-tiġrija ta’ 5Km tal-MESA fl-Imtarfa

Posted By Sportinmalta On February 2, 2018 @ 5:58 pm In Featured,Other | No Comments

Luke Micallef Perconte (Housing Authority) u Joanna Camilleri (Education) kienu r-rebbieħa overall rispettivi fit-tieni tiġrija ta’ 5 kilometri li organizzat il-Malta Employees Sports Association (MESA) dan l-istaġun u li saret din il-ġimgħa fl-Imtarfa By-Pass. Għal din it-tiġrija kien hemm żieda sostanzjali ta’ atleti parteċipanti tant li minn 42 atleta li ħadu sehem f’Novembru li għadda fil-korsa ta’ Ħal Kirkop-Ħal Safi, dawn telgħu għal 61 atleta – 50 irġiel u 11 nisa.

Luke Micallef Perconte ħarab mill-ewwel fuq quddiem biex iddomina t-tiġrija mill-bidu sa l-aħħar biex ħareġ rebbieħ f’ħin tajjeb ta’ 16-il minuta u tmien sekondi. Jean Paul Debono (AFM) daħal it-tieni f’16-il minuta u 51 sekonda, waqt li Ryan Farrugia (EUPA) spiċċa t-tielet fi 17-il minuta u sitt sekondi. Ta’ min isemmi li dawn it-tliet atleti kienu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba f’tiġrija organizzata mill-MESA.

Fil-kategorija femminili Joanna Camilleri ddominat ukoll biex rebħet b’mod konvinċenti f’20 minuta u 40 sekonda. Angele Sammut (Health Dept) irrepetiet ir-riżultat li kienet kisbet f’Novembru li għadda biex reġgħet spiċċat fit-tieni post f’21 minuta u 20 sekonda, waqt li Charla Pia Vella (MCAST Gozo), li kienet qed tieħu sehem għall-ewwel darba, daħlet it-tielet f’21 minuta u 47 sekonda.

Ta’ min isemmi illi għall-ewwel darba f’dawn it-tiġrijiet organizzati mill-MESA ħa sehem atleta flimkien mal-kelba tiegħu. Fil-fatt dan l-atleta, Emanuel Mangion, huwa għalliem għal tfal neqsin mis-smiegħ, u din kienet it-tielet tiġrija li ħa sehem fiha akkumpanjat mill-kelba tiegħu Luna. Emanuel jgħid illi l-għan ewlieni tiegħu huwa li jgħaddi messaġġ sottili li “l-annimali huma ħbieb tagħna u għandna ninkluduhom kemm jista’ jkun fl-attivitajiet tagħna, speċjalment f’ħaġa sempliċi bħal mixja/ġirja”.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/wirjiet-pozittivi-fit-tigrija-ta-5km-tal-mesa-fl-imtarfa/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.