Wirja oħra stupenda minn Starlites trebbaħhom is-Shield

Tuesday, October 27, 2015, 21:15

 ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Phoenix Frank Salt 73

Gżira Athleta 60

(19-18)(17-13)(21-19)(16-10)

Phoenix Frank Salt kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun kontra Gżira Athleta f’partita kumbattuta. Antoine Costa u Joshua Anastasi kienu nieqsa għal Phoenix fil-waqt li Athleta kienu mingħajr Ryan Bezzina però inkludew għall-ewwel darba lil Mike Giusti. Il-partita bdiet bi three pointers fuq kull naħa minn Andras Toompere għal Phoenix u Martin Krastev għall-Athleta. Toompere u Jonathan Ransley komplew għal Phoenix però Krastev kellhu żewġ trippli oħra biex poġġa lill-Athleta 18-15 minn fuq. Sa’ tmiem is-sessjoni kien hemm aktar punti għal Phoenix minn Luke Azzopardi u Christian Briffa biex temmewha minn fuq 19-18. Phoenix komplew iżidu l-vantaġġ fit-tieni perjodu fejn marru disgħa minn fuq 32-23 b’punti minn Ransley, Toompere u Azzopardi fost l-oħrajn. Athleta ġew lura bi trippla minn Giusti flimkien ma’ Joshua Aquilina u Luca Stefanovic għal skor ta’ 36-31.

Phoenix kellhom bidu mill-aqwa fit-tielet sessjoni meta kellhom run ta’ 13-0 b’diversi punti minn Clayton Camenzuli u trippla ta’ Karl Borg. Athleta rkupraw wara time-out bi trippla ta’ Aquilina però Borg għamel three pointer ieħor għal Phoenix li fetħu vantaġġ ta’ 18 –il punt 57-39. Hawn però Athleta għamlu run ta’ 11-0 b’aktar punti minn Aquilina u three pointers ta’ Stefan Vincic u Stefanovic għal skor ta’ 57-50. Fl-aħħar taqsima Athleta waslu sa’ basket ‘l bogħod 57-59. Phoenix wieġbu bi tlett three pointers minn Toompere, Borg u Marko Vucinic biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 12 –il punt u baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 73-60.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 10, M. Vucinic 2, D. Pisani 2, R. Curmi, D. Debattista, C. Camenzuli 6,K.Borg 9, C. Briffa 2, M. Fenech, J. Ransley 17, A. Toompere 15.

Gżira Athleta: M. Giusti 6, F. Mifsud Bonnici 9, J. Wait 2, E. Schiappati 2, L. Stefanovic 8, M. Gauchi Montaldo 2,  J. Aquilina 12, M. Krastev 14, S. Vincic 5.

Referees: Alfred Carbonaro, Brian Sly.

Starlites 78

Mellieħa Mr. Green 61

(23-20)(22-14)(21-9)(12-18)

Starlites komplew bil-bidu stupend tal-istaġun fejn kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva u dan ifisser li huma r-rebbieħa tas-St. James Hospital Shield. It-team imexxi minn Alfred Mifsud kien dixxiplinat tul il-partita kollha fejn anke l-players li daħlu minn fuq il-bank kellhom kontribut siewi. Fl-istess waqt il-player Malti Awstraljan Jacob Formosa kompla juri l-potenzjal tiegħhu u se jkun utli ferm kemm għal Starlites kif ukoll għal Virtus fl-ewwel diviżjoni. Minn naħa ta’ Mellieħa ħassew ferm in-nuqqas ta’ punti minn Steve Sammut li sabha diffiċli kontra d-difiża mħallta ta’ Starlites. Il-partita fetħet b’ħames three pointers 3 minn Mellieħa permezz ta’ Michel Farrugia  u Sammut u għal Starlites kien hemm it-trippli ta’ Alec Felice Pace u Formosa. Wara li Mellieħa marru punt minn fuq 16-15, Starlites kellhom break ta’ 7-0 li bdewh bi trippla ta’ Formosa biex temmew l-ewwel sessjoni 23-20 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Formosa beda bi trippla oħra u kabbru l-vantaġġ għal 10 punti 32-22. Mellieħa ppruvaw inaqqsu d-distakk wara punti minn Emanuel Lupo u Clint Grixti però Starlites reġgħu komplew bi three pointers minn Clive Schembri, Anthony Schembri u Formosa biex daħlu jistrieħu 45-34 minn fuq.

Wara l-intervall kien mistenni li Mellieħa jwettqu reazzjoni però kienu Starlites li komplew bis-supremazija tagħhom hekk kif bdew bi break ta’ 11-2 b’punti minn Felice Pace u Thomas Grech u fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 56-36. Mellieħa waqqfuhom bi trippla ta’ Farrugia iżda l-punti ta’ Starlites komplew ġejjin minn Miguel Falzon, Formosa u trippla ta’ Felice Pace għal skor ta’ 66-43. Fl-aħħar sessjoni, kien hemm aktar punti minn Lupo għal Mellieħa li kellhom ukoll trippla minn Ian Terribile. Dawn però ma kienux biżżejjed għaliex Starlites kienu f’kontroll assolut u rrispondew għal punti li sofrew biex żammew vantaġġ komdu biex rebħu l-partita 78-61 u aċċertaw ruħhom matematikament mir-rebħ tas-Shield għal dan l-istaġun.

Starlites: A. Schembri 5, C. Doublet 2, L. Vella, M. Azzopardi, C. Schembri 5, M. Falzon 10, A. Felice Pace 13, J. Agius, J. Formosa 25, O. Mifsud, A. Cutajar 2, T. Grech 16.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 8, M. Farrugia 9, S. Sammut 10, R. Loporto 9, N. Muscat, E. Lupo 11, I. Terribile 8, B. Soler 7.

Referees: Bernard Vassallo, Brian Sly.





Leave a comment