Wirja mill-aqwa mhux biżżejjed għall-Athleta

Tuesday, November 4, 2014, 18:24

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Starlites 56

St. Nicholas Suns 89
(12-19)(9-21)(13-19)(22-30)

Iż-żewġ timijiet kienu tilfu fl-ewwel ħarġa tagħhom kontra Phoenix u kienu St. Nicholas Suns li għaddew għas-semifinali wara rebħa bi skor ta’ 89-56. Għal Starlites kienhemm id-debutt ta’ David Garcia fil-waqt li Suns kellhom ir-ritorn ta’ Lee Grech u Alex Bianchi għalkemm għad iridu jikkonvinċu lil Igor Marjanovic. Fl-ewwel ħinijiet Suns kellhom it-trippli ta’ Robert Camilleri biex marru 12-4 minn fuq. Wara punti minn Miguel Falzon u Alec Felice Pace għal Starlites, Suns kellhom żewġ baskets oħra minn Reno Camilleri. Thomas Grech u Falzon kellhom l-aħħar baskets ta’ Starlites u bejniethom kien hemm it-trippla ta’ Michael Barberi għal skor ta’ 19-12. Fit-tieni taqsima Suns kellhom bidu tajjeb bi break ta’ 6-0. Starlites waqqfulhom ir-run bi trippla ta’ David Garcia u komplew bil-punti ta’ Anthony Schembri u Falzon biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 21-28. Hawn iżda Suns għamlu break ta’ 12-0 b’diversi punti ta’ Hubert Agius biex daħlu jistrieħu 40-21 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm id-dominju ta’ Suns bi break qawwi ta’ 19-0 b’Agius jispikka flimkien ma’ Bianchi, Grech u Stefano Borg għal skor ta’ 59-24. Starlites dehru maħsuda però xorta rnexxielhom jagħqqdu break ta’ 10-0 qabel tmiem is-sessjoni b’żewġ trippli ta’ Felice Pace biex is-sessjoni ntemmet bi skor ta’ 59-34. Fl-aħħar taqsima l-logħba kienet aktar miftuħa bir-riżultat aċċertat. Għal Starlites kien hemm tlett trippli oħra ta’ Felice Pace u oħra ta’ Clive Schembri. Suns kellhom il-punti ta’ Reno Camilleri u Robert Mercieca flimkien ma’ trippla ta’ Barberi u rebħu l-partita 89-56 wara li temmewha b’run oħra ta’ 10-2.

Starlites: A. Schembri 2, L. Vella, D. Massa, C. Doublet, C. Schembri 9, M. Falzon 10, A. Felice Pace 23, J. Agius, A. Cutajar 1, Q. Bugeja, D. Garcia 3, T. Grech 8.

St. Nicholas Suns: A. Pace 2, S. Borg 4, K. Scicluna 6, L. Grech 6, H. Agius 22, M. Barberi 12, R. Camilleri 6, A. Bianchi 9, R. Mercieca 8, R. Camilleri 14.

Referees: Emanuel Mangani, Brian Sly.

Hibs 78

Athleta 77
(17-23)(21-17)(15-23)(25-14)

F’dik li tista’ titqies bħala waħda mill-isbaħ partiti li rajna s’issa f’Ta’ Qali dan l-istagun, Hibs għelbu lill-Athleta 78-77 biex ikkwalifikaw bħala rebbieħa ta’ Pool 2 u fis-semifinali jiltaqgħu kontra SN Suns. Partita kbira għal David Camilleri li wera l-klassi tiegħhu b’37 punt u seba’ three pointers fil-waqt li għall-Athleta kien hemm wirja kbira miż-żgħażagħ Matthew Gouder u Martin Krastev. Iż-żewġ timijiet kellhom xi tibdil mill-ewwel ħarġiet tagħhom bil-Hibs ikomplu jissaħu bit-Taljan Fabrizio Mariani u s-Serb Ivan Mitrovic. Athleta kellhom d-debutt ta’ David Garcia u Nicolke Petrusev u l-esperjenza ta’ Julian Naudi player li rebaħ diversi unuri fix-xena lokali. Intant il-partita mill-bidu dehret li se tkun akkanita u ta’ skor għoli. It-three pointers ta’ Krastev poġġew lill-Athleta minn fuq 15-7fl-ewwel taqsima. Huma kellhom ukoll il-punti ta’ Matthew Gouder però Simon Attard u Camilleri bi trippli bdew iwieġbu għal Hibs. Athleta temmew l-ewwel taqsima 23-17 minn fuq però kif bdiet it-tieni waħda, Hibs ġabu l-iskor indaqs wara trippli ta’ Camilleri u Carlos Taexida. Garcia reġa’ poġġa lil Athleta minn fuq flimkien ma’ aktar punti ta’ Gouder. Camilleri għamel 8 punti konsekuttivi biex fl-intervall Athleta daħlu jisrtieħu minn fuq wara trippla mal-horn ta’ Petrusev.

Athleta kellhom bidu qawwi fit-tielet perjodu bi break ta’ 9-0 fosthom trippla oħra ta’ Krastev. Hibs ukoll kellhom break ta’  7-0 bi trippla ta’ Kieron Caruana iżda kienu l-Athleta li baqgħu jikkontrollaw bi break ieħor ta’ 11-1 u fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 63-50 qabel ma Luke Farrugia kellhu trippla għal Hibs biex l-aħħar taqsima bdiet b’Athleta 10 minn fuq. Hibs tħabtu biex inaqqsu d-distakk però kull darba bdew isibu r-risposta tal-Athleta minn Garcia u Krastev u l-iskor tela’ ġmielu 73-65. Fl-aħħar ħinijiet però wasal il-mument deċisiv minn Hibs speċjalment minn Camilleri li ħa t-team f’idejh u l-punti konsekuttivi tiegħhu kkastigaw lill-Athleta li setgħu biss jagħlqu l-partita b’basket ta’ Krastev però Hibs ħarġu rebbieħa 78-77 wara kważi partita sħiħa minn taħt. Il-prestazzjoni tat-team imexxi minn Peter Farrugia żgur li se togħllilhom il-moral għal partiti li ġejjin hekk kif ma kienx jimmerithom joħorġu b’idejhom vojta.

Hibs: I. Mitrovic, C. Taexido 9, D. Camilleri 37, L. Farrugia 6, S. Attard 3, G. Agius 6, K. Caruana 7, C. Bugeja, K. Sultana, S. Vella 4, F. Mariani 6, A. Baldacchino.

Athleta: W. Hopper, J. Naudi 3, M. Gauchi Montaldo 5, C. Galea, D. Garcia 17, R. Bezzina, F. Mifsud Bonnici 2, M. Gouder 22, M. Krastev 25, S. Vincic, S. Mizzi, N. Petrusev 3.

Referees: Emanuel Mangani, Brian Sly.





Leave a comment