Wegħda oħra mwettqa fil-qasam sportiv

Tuesday, December 20, 2016, 13:00

SportMalta wettqet wegħda oħra fejn ingħatat għotja għal proġett kapitali lill-Federazzjoni tal-Judo biex isir padiljun ġdid f’Pembroke, liemapadiljun issa tlesta. Dan kien investiment kapitali ta’ 100,000 ewro. Il-padiljun ġie inawgurat fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, l-ogħla uffiċjali ta’ SportMalta, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Judo, u diversi atleti fi ħdan danl-isport.

‘Qed inkomplu nsostnu dak li wegħdna lill-isportivi Malti li l-fondi jmorru wkoll għal dak l-isport hekk meqjus minuri’, qal is-Segretarju Parlamentari Chris Agius. Huwa kompla jgħid li SportMalta qed tara li l-assistenza finanzjarja tilħaq firxa wiesgħa ta’ sport. L-istrateġija li għandna nieħdu, kompla jgħid Chris Agius, huwa li jsir investiment fejn l-aktar li ser isir effett hu biex il-ħolma li nirbħu midalji f’kompetizzjonijiet kbar issir realtà. Huwa semma’ wkoll kif riċentement tnieda l-abbozz tal-Politika Nazzjonali tal-Isport għall-konsultazzjoni u ħeġġeġ lil kulħadd sabiex isemma’ leħnu ħalli verament ikollna politika tal-isport waħda u għal kulħadd. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid kif il-Gvern ser ikun qiegħed jagħti s-sostenn kollu tiegħu lill-Kumitat Olimpiku Malti li għandu ħsieb japplika sabiex jerġa’ jospita l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u l-faċilità tal-judo għandha sservi wkoll għal dan il-għan.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li din il-faċilità għandha sservi ta’ lok li minnu joħorġu aktar tfal u żgħażagħ li jipprattikaw il-judo.  Huwa stqarr li SportMalta l-ewwel rat li timla l-faċilitajiet tagħha mbagħad bdiet tgħin sabiex anke l-assoċjazzjonijiet/ federazzjonijiet sportivi jkabbru n-numru ta’ parteċipanti.  Id-dixxiplina tal-judo kienet waħda mill-ewwel federazzjonijiet Ii bdiet tgawdi minn din l-għajnuna, pass pass mal-ħidma li qed issir bħalissa fil-Pixxina Nazzjonali u l-Padiljun tal-Basketball. Madanakollu, kompla jgħid Cutajar, l-akbar ħidma qed issir fl-eks skola Maria Assunta li se tkun qed tilqa’ dixxiplini diversi.

Indirizza lil dawk preżenti l-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Judo Envic Galea li qal li din hija ħolma ta’ 40 sena li saret realtà. Huwa aċċenna li l-Federazzjoni issa setgħet tibda proġett mal-iskejjel tal-madwar sabiex dan is-sit jimtela bit-tfal bl-għan ikun li aktar żgħażagħ jipprattikaw dan l-isport.  Huwa temm billi fakkar li, mill-għada stess, il-faċilità se tkun qed tospita l-44 kampjonat annwali tal-judo.

Matul is-sena d-dieħla, SportMalta se tkun qiegħda tkompli tgħin u tassisti assoċjazzjonijiet oħrajn permezz tad-diversi skemi tagħha biex b’hekk skemi bħal dawn jikkontribwixxu biex ikompli jitkattar u jitkabbar l-isport professjonali.

 





Leave a comment