Vito Giordano u Ambrosio Catello ippreżentati uffiċjalment

Tuesday, July 24, 2012, 19:15

Vito Giordano ingħaqad uffiċjalment ma’ Qormi F.C. bħala konsulent sportiv. Huwa ġie ppreżentat mill-president tal-klabb is-Sur Redino Apap nhar il-Ħamis 19 ta’ Lulju lil numru ta’ sponsors waqt attivita` li saret fil-lukanda Dolmen fil-Qawra. Huwa se jkun qed jikkollabora mas-setturi kollha tal-klabb, b’mod speċjali man-nursery.

Matul iż­-żjara tiegħu lill-klabb u l-kumitat ta’ Qormi F.C., hu baqa’ impressjonat bil-faċilitajiet ġodda li fihom investa l-klabb matul dawn l-aħħar snin. Hu faħħar l-akkademja  li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra u fuq kollox id-dedikazzjoni tal-membri mill-kumitat. Dan kollu wasslu lil Giordano biex jagħżel lil Qormi F.C. minkejja li kien kkuntattjat minn diversi klabbs oħra. Barra minn hekk, fattur ieħor li ħeġġeġ lil Giordano biex jingħaqad ma’ Qormi F.C. hi l-ħbiberija speċali li għandu ma Matthew Fenech. Kemm Giordano u Qormi F.C. għandhom l-istess viżjoni, dik li jagħtu prijorita` liż­-żgħażagħ.

Il-ħidma ta’ Vito Giordano fil-klabb ta’ Qormi F.C. bdiet b’mod immedjat, hekk kif permezz tal-kuntatti kbar li għandu fl-Italja, hemm possibilta` li jintlaqħaq ftehim ma klabb li jilgħab fis-Serje A Taljana biex jibdew isiru skambji ta’ plejers żgħażagħ u opportunitajiet ġodda biex anke xi tfal imorru jagħmlu xi esperjenza fl-Italja ma dan il-klabb.

Vito Giordano ħadem ħafna fil-qrib ma’timijiet rinomati bħal Parma, Lecce u diversi klabbs oħra Taljani. Hu għandu esperjenza vasta fuq l-aspett ta’ scouting ma bosta klabbs oħra fl-Italja u jiffoka fuq it-talent żgħażugħ. Dan l-akkwist huwa ħolqa oħra minn katina ta’ inizjattivi biex Qormi F.C. jiffoka aktar fuq l-irwol importanti taż-żgħażagħ fil-klabb.

Il-Klabb jixtieq jagħmilha ċara li Vito Giordano bl-ebda mod mhu se jkun qed jieħu post Stephen Azzopardi fir-rwol ta’ direttur tekniku. Stephen Azzopardi jinsab kuntent ħafna bil-wasla ta’ Vito Giordano u huwa kommess li jaħdem flimkien ma din il-persuna bi kwalita` u esperjenza vasta.

Waqt din l-attivita` ġie ppreżentat ukoll il-plejer żgħażugħ ta’ 18-il sena Ambrosio Catello li se jkun qed jifforma parti mill-iskwadra ta’ taħt id-19-il sena.





Leave a comment