Vida Siġġiewi jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun

Wednesday, February 2, 2011, 18:56

DETUR SHIELD IT-TIENI DIVIŻJONI IRĠIEL

minn Colin Schembri

Vida Siġġiewi 61

Athleta 41

(22-8)(14-12)(12-9)(13-12)

Vida vs Athleta

Vida vs Athleta

Vida Siġġiewi rebħu l-ewwel unur tal-istaġun fit-tieni diviżjoni meta fil-finali tad-Detur shield huma għelbu lil Athleta 61-41. Siġġiewi waslu fil-finali wara fis-semifinali ta’ fost il-ġimgħa għelbu lil Starlites Ker Grill 51-41. Minn naħa tal-Athleta huma wettqu sorpriża kbira meta għelbu lil Floriana 44-40 biex telgħu fl-ewwel finali tagħhom fit-tieni diviżjoni. Għal Siġġiewi din kienet it-tieni finali tas-shield fejn kisbu l-ewwel suċċess wara li fl-istaġun li għadda kienu tilfu ma’ Floriana.

Wara minuta ta’ studju, Siġġiewi fetħu b’żewġ three pointers minn Clayton Agius u Glenn Gauchi Grech. Athleta wieġbu b’basket ta’ Ivan Buldakov pero’ Siġġiewi b’run ta’ 7-0 bil-punti kollha jaslu minn Petar Vulovic. Athleta naqqsu d-distakk bil-punti ta’ Mark Spiteri pero’ fl-aħħar żewġ minuti Siġġiewi għamlu run oħra ta’ 7-0 inkluża trippla ta’ Vulovic u marru 22-8 minn fuq. Fl-ewwel tlett minuti tat-tieni sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa fejn Buldakov għamel trippla għal Athleta b’Agius iwieġeb b’oħra għal Siġġiewi. Wara free-throws fuq iż-żewġ naħat, Albert Borg għalaq is-sessjoni għal Siġġiewi u fil-mistrieħ huma kellhom vantaġġ ta’ 16-il punt 36-20.

It-tielet sessjoni kienet nieqsa mill-punti għalkemm Athleta fetħu bi trippla ta’ Buldakov. Siġġiewi wieġbu bi break qasir ta’ 6-0 qabel ma Buldakov reġa’ wieġeb għal Athleta. Għaddew tlett minuti biex reġgħu waslu l-punti minn free-throws ta’ Vulovic b’Athleta jirrispondu bi three pointer ta’ Adrian Baldacchino. L-aħħar sessjoni kienet l-aktar waħda bilanċjata pero’ fl-ewwel ħames minuti kien hemm biss trippla ta’ John Paul Antoncic għal Siġġiewi u basket ta’ Spiteri għal Athleta. Fl-aħħar ħinijiet daħlu jilgħabu l-players ta’ fuq il-bank għal Siġġiewi u Athleta għamlu trippla oħra minn Baldacchino. Basket taż-żagħżugħ Aryton Debattista għal Siġġiewi għalaq il-partita fuq skor finali ta’ Vida Siġġiewi 61 Athleta 41. Fi tmiem il-partita, il-president tal-MBA il-maġistrat Antonio Mizzi ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Siġġiewi Albert Borg.

Vida Siġġiewi: P. Vulovic 21, JP. Antonic 11, C. Agius 12, A. Duncan, L. Grech 4, A. Borg 2, N. Falzon 4, E. Vella, A. Debattista 2, G. Agius, G. Gauchi Grech 5.

Athleta: K. Cucciardi1, M. Giusti, A. Baldacchino 8, S. Aquilina 7, J. Muscat, L. Fenech 1, Y. Schembri, M. Spiteri 6, R. Formosa 1, I. Buldakov 17, T. Wollmack.

Referees: Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani





Leave a comment