Versity AFC u Valletta St Pauls jibqgħu jissieltu sal-aħħar

Monday, April 29, 2019, 7:09

Rapport: Robert Busuttil

Versity AFC u Valletta St Pauls ser ikunu qed jissieltu għall-unur finali ħmistax-il ġurnata oħra meta tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. It-tnejn li huma kisbu rebħiet konvinċenti sabiex ser ikun hemm tmiem drammatiku ta’ dan il-kampjonat eċitanti. Huwa biss punt li qed jifred lil dawn iż-żewġ timijiet fil-klassifika bil-Versity li għandhom 24 punt u bis-St Pauls punt biss warajhom bi 23.

Verdett li ħareġ ukoll minn din il-ħdax-il ġurnata tal-kampjonat kienet is-salvazzjoni ta’ Qormi Hotspurs li bir-rebħa minima ta’ 1-0 kontra Naxxar Victorians għandhom ċertezza matematika li staġun ieħor ser jilagħbu mal-kbar. Dan ir-riżultat ifisser ukoll li San Ġiljan Saints sfaw relegati wara staġun wieħed fl-ogħla kampjonat tal-MAFA.

Kif għedna, il-liders Versity warrbu għal kollox l-isfida ta’ Marsa St Michael meta rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 4-0. Dan kien riżultat diżappuntanti għal dawn tal-aħħar li temmew l-istaġun fuq nota morra hekk kif ġarrbu r-raba’ telfa staġjonali filwaqt li spiċċaw f’nofs il-klassifika.

Fuq kulħadd spikka l-attakkant Franċiż Julien Muller li kien awtur ta’ hat-trick f’din il-partita. Hu tella’ t-total ta’ gowls tiegħu għal tnax sabiex jinsab jokkupa l-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers.  Il-Versity għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu tant li fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls fl-ewwel taqsima b’Muller jiskorja fl-1 minuta u fis-16-il minuta. Ubadike Ifeanyichukwu għamilhom 3-0 fit-22 minuta sabiex Julien Muller għaqqad il-poker tliet minuti qabel tmiem.

Fit-tieni taqsima, il-logħba ftit bidlet il-pjan tagħha b’Marsa li ttantaw jiskorjaw il-gowl tal-bandiera iżda d-difiża tat-tim minn Tal-Qroqq żammet tajjeb sabiex ħarġu bit-tliet punti ferm importanti li jpoġġihom favoriti li jirbħu l-kampjonat.

Referì ta’ din il-partita kien Thomas Debono.

Aktar qabel Valletta St Pauls dawru telfa f’rebħa sabiex warrbu l-isfida denja ta’ Senglea Gunners bi skor ta’ 4-1. Għal dawn tal-aħħar rebħa biss setgħet iżommilhom it-tamiet tagħhom li jibqgħu jissieltu għall-kampjonat iżda din it-telfa kienet daqqa ta’ ħarta għalihom.

Għal Valletta spikka l-attakkant Taljan tagħhom Denis di Maio li skorja doppjetta sabiex qed jaqsam l-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers ma’ Julien Muller ta’ Versity AFC. Di Maio flimkien ma’ Markovic kienu ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża Sengleana li batiet xi ftit f’din iċ-ċirkostanza.

Senglea Gunners bdew tajjeb u marru fil-vantaġġ wara 25 minuta logħob meta wara clearance ħażina mid-difiża Beltija, il-ballun wasal għand Rio Micallef li b’xutt tajjeb minn barra l-kaxxa għeleb lil Jianiro Camilleri.

Valletta St Pauls baqgħu konċentrati u ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara meta wara kontrattakk perikoluż, kien Uros Markovic li approfitta u xeħet il-ballun wara Ludvic Fardell.

It-tim mill-Kottonera dehru xi ftit konfużi u ta’ dan approfittaw it-tim mill-Kapitali hekk kif Denis di Maio temm azzjoni tajba li spiċċat b’dan tal-aħħar jitfa’ l-ballun fix-xibka.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 2-1 favur Valletta St Pauls, Senglea Gunners kellhom l-intenzjoni li jerġgħu jidħlu fil-partita iżda pront wasal it-tielet gowl Belti fis-36 minuta permezz ta’ Tyron Borg.

Fis-66 minuta, is-St Pauls għamluhom erbgħa meta kien Denis di Maio li skorja sabiex b’hekk għaqqad doppjetta personali.

Din kienet is-seba’ rebħa staġjonali għall-Beltin li tħallihom jittamaw f’xi żelqa tal-Versity fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat li għandha tiddeċiedi għand min ser imur ix-xettru ta’ champion.

Referì tal-partita kien Gjorgji Bitri

Qormi Hotspurs aċċertaw ruħhom li staġun ieħor jilagħbu fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 1-0.

Kienet partita ferm bilanċjata u miftuħa biż-żewġ timijiet li attakkaw fit-tentattiv li jiksbu r-rebħa finali. Minkejja kollox id-difiżi rispettivi kienu protagonisti meta xejnu l-attakki li ppruvaw itellgħu l-attakkanti rispettivi. Meta kollox kien jidher li l-logħba ser tispiċċa fi dro, kienu Qormi li skorjaw il-gowl finali fit-68 minuta permezz ta’ Jacob Falzon. Dan ir-riżultat finali tefa’ lid-diriġenti tal-Hotspurs f’dellirju ta’ ferħ iktar u iktar meta kienu jafu li rebħa kienet ser isservihom sabiex iżommu posthom mal-kbar.

Referì tal-partita kien Raymond Tabone.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Versity AFC 24, Valletta St Pauls 23, Senglea Gunners 19, Marsa St Michael 16, Qormi Hotspurs 15, San Ġiljan Saints 11, Naxxar Victorians 1.

*San Ġiljan Saints u Naxxar Victorians relegati għat-Tieni Diviżjoni

 





Leave a comment