Versity AFC jirbħu l-konfront dirett u jitilgħu fil-quċċata

Sunday, February 10, 2019, 16:57

Versity AFC qabżu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta rebħu l-konfront dirett tal-quċċata tal-klassifika kontra Senglea Gunners bl-iskor ta’ 4-2. Min-naħa l-oħra Marsa St Michael ikkonfermaw li baqgħu jissieltu għall-kampjonat b’rebħa tajba ta’ 2-0 fuq Qormi Hotspurs filwaqt li San Ġiljan Saints baqgħu jikkonfermaw il-mument tajjeb li jinsabu fih meta kisbu tliet punti fuq Naxxar Victorians.
Hekk kif intlagħbet is-seba’ ġurnata ta’ dan il-kampjonat, kollox jidher li l-isfida għar-rebħ tat-titlu ser tkompli tiħrax dejjem aktar. Huwa veru li b’din ir-rebħa t-tim minn Tal-Qroqq għamel pass ‘il quddiem iżda kollox għad jista’ jiġri f’diviżjoni verament bilanċjata.
Sadanittant din kienet l-ewwel telfa li sofrew Senglea Gunners fil-kampjonat wara li qabel dan il-konfront kienu kisbu tliet rebħiet u tliet dros. Iċ-ċansijiet li tilfu fil-bidu tal-partita nfluwenzaw dan ir-riżultat b’Tal-Qroqq Versity li approfittaw u kisbu tliet punti ferm importanti.
Fuq kollox spikkaw iż-żewġ plejers li sabu x-xibka iġifieri Bilali Yakubu u Alfonso Martinez.
Versity AFC marru fil-vantaġġ wara tmien minuti logħob meta wara azzjoni ferm veloċi kien Martinez li għadda lejn Yakubu Bilali li b’xutt qawwi għeleb lil Fardell. Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favur il-Versity.
Fit-tieni taqsima Senglea Gunners ħarġu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Abdullah Hussein. Versity AFC baqgħu kalmi u reġgħu marru fil-vantaġġ fid-49 minuta b’gowl tajjeb ta’ Alfonso Martinez. It-tim mill-Kottonera deher konfuż u sitt minuti wara għamluhom tlieta grazzi għal Yakubu Bilali li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
L-iskor ma damx ma sar 4-1 hekk kif il-plejer Spanjol Alfonso Martinez għaqqad doppjetta personali wara azzjoni mibdija mill-istess plejer.
Senglea għamlu l-iskor aktar rispettabbli minuta qabel tmiem il-partita meta kien Soulio Fofana li għeleb lill-gowkiper avversarju.
Fi tmiem il-partita dehret il-bixra ta’ ferħ f’wiċċ il-plejers tal-Versity li issa jinsabu jikkmandaw il-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni.
Marsa St Michael kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Qormi Hotspurs sabiex barra li ħadu t-tielet rebħa staġjonali, telgħu wkoll fit-tielet post tal-klassifika.
Din il-partita bejn dawn iż-żewġ timijiet sa fl-aħħar intlagħbet wara li l-partita tal-ewwel rawnd tħassret għal darba darbtejn minħabba x-xita. Dawn iż-żewġ naħat xorta għad iridu jirkupraw dan il-konfront fil-ġimgħat li ġejjin.
Protagonista prinċipali għas-St Michael kien Shawn Vella li skorja doppjetta u jidher li issa qagħad sew fl-iskemi tattiċi tal-kowċ Dassier Borg.
Vella skorja l-ewwel gowl fl-24 minuta b’xutt tajjeb bid-dawra li ma ta l-ebda ċans lill-keeper ta’ Qormi jsalva. Wara li l-ewwel taqsima għalqet b’Marsa 1-0 minn fuq, il-pjan tal-logħba qajla nbidel tant li kienu St Michael li rdoppjaw l-iskor meta r-referi tal-partita Georgi Bitri issenjala penalty favurihom li ġie skorjat b’mod tajjeb mill-istess Shawn Vella.
B’din it-telfa, il-Hotspurs baqgħu t-tieni mill-aħħar fil-klassifika u jħarsu ‘l quddiem sabiex jakkwistaw il-punti bl-objettiv prinċipali jkun dak li jevitaw ir-relegazzjoni.
San Ġiljan Saints telgħu fir-raba’ post tal-klassifika meta għelbu b’mod komdu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-1. Mingħajr m’għamlu affarijiet kbar, is-Saints kisbu t-tliet punti li riedu, b’Naxxar li kellhom il-mumenti tagħhom iżda m’għarfux jisfruttaw iċ-ċansijiet li ġewhom.
Kien Mark Stinchcombe li fetaħ l-iskor għall-Ġiljaniżi sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 minn fuq. Fit-tieni taqsima, San Ġiljan skorjaw it-tieni gowl tagħhom permezz ta’ Michael Hennessey li żamm l-appuntament mal-gowl hekk kif skorja xutt mill-11-il metru.
Il-Victorians reġgħu daħlu fil-partita grazzi għal Fabrizio Farrugia iżda l-aħħar kelma kellu tkun ta’ San Ġiljan Saints meta kien Tomek Fikas li qassam lil Ionut Popescu li min-naħa tiegħu fajjar xutt bomba li Mikhail Duca ma seta’ jagħmel xejn.
Wara din il-ġurnata ta’ logħob din hija l-klassifika l-ġdida tal-Ewwel Diviżjoni:
Versity AFC 15, Senglea Gunners 12, Marsa St Michael 11, San Ġiljan Saints 10, Valletta St Pauls 8, Qormi Hotspurs 7, Naxxar Victorians 1.





Leave a comment