Versity AFC jiksbu d-double

Saturday, May 18, 2019, 18:11

Rapport: Robert Busuttil

Versity AFC irnexxielhom jiksbu double storiku fil-MAFA meta rebħu l-kompetizzjoni Knock-Out kontra r-rivali Valletta St Pauls bl-għoti tal-penalties. Wara li ġimgħa ilu t-tim minn Tal-Qroqq rebħu l-kampjonat, wasal ukoll it-tieni l-aktar unur fil-MAFA f’partita li bdiet bil-kbir li iżda battiet fil-minuti ta’ wara biż-żewġ naħat jikkontrollaw tajjeb lill-attakkanti rispettivi.

Kien dwell bejn iċ-champions preżenti kontra dawk passati bl-akkaniment li ma naqasx. Il-kowċ ta’ Versity AFC Andreas Leirich, li  kellu xi plejers regolari nieqsa, ħejja metodu ta’ 3-4-1-2  fejn għażel li jiffolla nofs il-grawnd u jpoġġi quddiemhom liż-żewġ attakkanti prinċipali Julien Muller u Bilali Yakubu.

Min-naħa ta’ Valletta St Pauls, id-duo Malcolm Tirchett u Jonathan Francica ippjanaw sistema ta’ 4-3-2-1 fejn l-iktar plejer avvanzat kien l-iskorer prolifiku Denis di Maio.

Ġest verament sportiv min-naħa ta’ Valletta St Pauls qabel il-partita meta l-captain Malcolm Marmara ippreżenta bukkett fjuri lil dak ta’ Versity AFC Joseph Achokwu b’awguri għall-kampjonat li rebħu.

Il-logħba ma setax kellha bidu aħjar meta wara biss sitt minuti Valletta St Pauls marru fil-vantaġġ meta kien hemm ħarba tajba ta’ Denis di Maio li daħal fil-kaxxa iżda meta ġie biex jaqbeż lill-gowlkiper, dan waqqgħu mal-art sabiex ir-referi ma kellu l-ebda dubju li jsaffar għall-penalty. Mill-11-il metru kien Denis di Maio li ra lil Dwayne Grech isalva iżda ma jżommx sabiex daħal Rodney Grixti li xeħet il-ballun ġewwa.

Versity AFC mal-ewwel wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs sitt minuti wara. Kien Bilali Yakubu li rċieva tajjeb, ikkontrolla l-ballun iżda ġie mwaqqa’ mill-gowlkiper Jianiro Camilleri bir-referi jerġa’ jsaffar għax-xutt mill-ħdax il-metru li ġie skorjat mill-istess Yakubu.

Fis-17-il minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Dylan D’Agostino għal Valletta St Pauls ġie milqugħ bla diffikulta’ minn Grech.

Żewġ minuti wara reġa’ kien D’Agostino li reġa’ ipprova bil-ballun imur ferm għoli mil-lasti tal-Versity.

Ftit wara anke xutt ta’ Julien Muller għall-Versity AFC mar għoli.

Valletta baqgħu fuq l-offensiva u wara azzjoni ta’ korner, kien Rodney Grixti li bir-ras xeħet kemm kemm barra.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq biż-żewġ timijiet fi dro ta’ 1-1.

Eżatt kif bdiet it-tieni taqsima, it-tim mill-kapitali ħareġ mal-ewwel fuq l-offensiva u wara azzjoni tajba ta’ Denis di Maio, dan tal-aħħar krossja fil-baxx iżda ma kien hemm ħadd minn sħabu biex jikkonnettja.

Fil-50 minuta frikik ta’ Kieran Flint ta’ Versity iżda l-ballun imurlu barra.

Tliet minuti wara xutt ta’ Psaila sab l-oppożizzjoni tal-keeper tal-Versity.

Minkejja dawn l-azzjonijiet kollha l-iskor baqa’ ma żblukkax ruħu sabiex kellna mmorru għall-ħin barrani.

Versity AFC ħarġu tajjeb u ħolqu xi azzjonijiet offensivi perikolużi għalkemm id-difiża ta’ Valletta St Pauls b’xi mod jew ieħor irnexxielha xxejjen b’mod verament tajjeb.

ll-partita kellha tmur għal-lotterija tal-penalties u hawn kienu ferm tajbi Versity AFC li skorjaw l- penalties tagħhom permezz ta’  Kieran Flint, Julien Muller u Yakubu Bilali filwaqt li falla Arie Tibi.

Valletta St Pauls ma rnexxielhomx jiskorjaw xutt wieħed mill-ħdax-il metru hekk kif Tyron Borg, Glenn Fenech u Dylan D’Agostino fallew il-penalties rispettivi tagħhom grazzi wkoll għar-riflessi mill-aqwa tal-gowlkiper Dwayne Grech.

Dak kien ifisser li Versity AFC rebħu l-partita bl-iskor komplessiv ta’ 4-1 sabiex bis-saħħa ta’ dan ir-riżultat kisbu d-double għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.

Wara l-partita setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Versity AFC li laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Joseph Achokwu rċieva t-tazza mingħand il-viċi-president tal-MFA Matthew Paris.

Referi tal-partita kien Shaun Calleja.

Sadanittant qabel din il-partita kellna logħba mill-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni fejn Mosta Vikings u Valletta Stars temmew partita divertenti fi dro ġust ta’ 2-2.

Kienu l-Vikings li marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti logħob permezz ta’ penalty ta’ Alessandro Bianchi. Fit-tieni taqsima, l-Istilel Beltin ġabu d-dro grazzi għal Isaac Scerri u saħansitra marru fil-vantaġġ minn Juan Scerri.

L-iskor sar 2-2 fis-66 minuta b’gowl mill-isbaħ ta’ Daniele Aquaviva.

Dan id-dro ftit biddel ix-xorti ta’ dawn iż-żewġ timijiet li spiċċaw it-tnejn li huma fl-aħħar postijiet tal-klassifika.

Referi kien Raymond Tabone.





Leave a comment