Versity AFC jibdew l-istaġun bil-kbir

Monday, October 7, 2019, 9:51

Iċ-ċampjins tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Versity AFC kellhom imorru sal-ħin barrani sabiex rebħu l-Joe Compagno Cup meta għelbu lil Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 2-1.

Din il-partita tat bidu għal staġun ieħor tal-MAFA biċ-champions minn Tal-Qroqq li kienu qed jiffaċċjaw lill-finalisti tal-kompetizzjoni Knock-Out tas-sena l-oħra.

Versity AFC kienu ġejjin minn double storiku hekk kif fl-istaġun li għadda rebħu mhux biss il-kampjonat iżda wkoll il-kompetizzjoni Knock-Out.

Iż-żewġ naħat kellhom xi tibdil mill-istaġun li għadda. Hamza Afifi ħa post Andreas Leirich fuq il-bank tal-Versity li għalihom kien qed jiddebutta wkoll iż-żagħżugħ Kane Micallef.

Min-naħa ta’ Valletta St Pauls, it-tmexxija teknika għadha fdata f’idejn id-duo Malcolm Tirchett u Jonathan Francica bil-Beltin li kellhom xi uċuh ġodda fit-tim fosthom il-keeper Ludvic Fardell u l-attakkant Juan Scerri.

L-ewwel fażi tal-partita kienet fażi ta’ studju fejn iż-żewġ timijiet bdew jannullaw lil xulxin f’nofs il-grawnd.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota ħolquha t-tim mill-kapitali meta fit-18-il minuta Mohammed Elamari għadda lejn Uros Markovic li avvanza, daħal fil-kaxxa u ra x-xutt tiegħu jgħaddi ċentimetri barra mil-lasti tal-keeper tal-Versity.

Risposta ta’ Versity AFC ħames minuti wara meta konklużjoni tal-attakkant Franċiż Julien Muller għaddiet kemm kemm għoli mil-lasti Beltin.

Fid-29 minuta azzjoni tajba tas-sostitut Mehdi Marbon għal Versity AFC sabet l-oppożizzjoni denja ta’ Ludvic Fardell li xeħet il-ballun f’korner.

Minuta wara kien l-istess Marbon li kkrossja tajjeb mil-lemin iżda l-keeper Fardell ħareġ tajjeb sabiex jantiċipa lil Muller.

Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, kien il-gowlkiper tal-Versity Maksym Perekokov li ddistingwa ruħu hekk kif tar minn tulu u tefa’ f’korner frikik sabiħ ta’ Uros Markovic.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq biż-żewġ timijiet dro ta’ 0-0.

U eżatt kif fetħet it-tieni taqsima, il-Versity marru fil-vantaġġ. Kien kross tajjeb mix-xellug li sab lil Yakubu Bilali li b’xutt mill-ewwel ħasad lil Fardell.

Iżda lanqas laħqu għaddew 60 sekonda li Valletta St Pauls ġabu l-iskor indaqs. Kien xutt mid-distanza ta’ Uros Markovic li ssoprendna lill-keeper avversarju Perekokov sabiex għamilhom 1-1.

Fis-56 minuta Versity reġgħu ttantaw xortihom meta wara azzjoni insistenti ta’ Grigorij Paunowski, kien Yakubu Bilali li bir-ras xeħet għoli.

Minuta wara Fardell kellu jixħet f’korner xutt ta’ Muller.

Ftit minuti qabel tmiem il-partita xutt ta’ Dylan D’Agostino għal Valletta St Pauls għadda kemm kemm barra mil-lasti ta’ Perekokov.

Minkejja t-tentattivi taż-żewġ timijiet, l-iskor baqa’ ma nbidilx sabiex il-logħba marret għall-ħin barrani.

Bilkemm laħqet bdiet l-ewwel taqsima tal-ħin barrani li Versity AFC skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejn id-difensur u l-gowlkiper Belti sabiex approfitta Marbou Mehid li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Fardell.

Valletta ippruvaw iġibu d-dro iżda bejn ix-xorti li ma tantx kienet magħhom u bil-bravuri tad-difensuri u l-gowlkiper ta’ Versity AFC, huma naqsu milli jmorru għall-għoti tal-penalties.

It-tisfira tar-referi Lorry Sammut kienet tfisser li Versity AFC rebħu l-ewwel unur tagħhom ta’ dan l-istaġun iġifieri l-Joe Compagno Cup.

Min-naħa ta’ Valletta St Pauls, wieħed jammira l-ispirtu kumbattiv li kellhom u ċertament li matul dan l-istaġun se jkunu sfidanti denji għar-rebħ tal-kampjonat.

Skor Finali: Versity AFC 2 Valletta St Pauls 1 (wara l-ħin barrani)

Referi kien Lorry Sammut.





Leave a comment