- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Vantaġġ għal Starlites u Hibs

Posted By sportinmalta1 On December 15, 2017 @ 8:25 am In Basketball,Featured | No Comments

Tazza Louis Borg Nisa

minn Colin Schembri

Starlites GIG 63

Caffè Moak Luxol 57

(16-17)(14-14)(20-9)(13-17)

Starlites GIG se jkunu qiegħdin jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 6 punti għat-tieni leg tas-semifinali hekk kif huma għelbu lil Caffe Moak Luxol 63-57 fl-ewwel partita. Għal Starlites kienu nieqsa Danielle Agius, Kim Pirotta u Jaelle Micallef b’posthom johduħ Michela Zammit Cordina, Diane Revol u Mikela Riolo. Luxol minn naħa l-oħra kellhom nieqsa lil Christina Curmi li weġgħat fl-aħħar paritita kif ukoll l-Amerikana Asanti Plummer se tigi mibdula u diġa marret lura. Il-partita kienet bilanċjata biż-żewġ timijiet ikollhom mumenti posittivi. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 7-2 b’baskets minn Jean Doughty, Kirsty Galea u Hayley Acreman. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet minn trippla ta’ Sarah Pace u punti ta’ Martina Darmanin biex marru minn fuq. Starlites ukoll kellhom trippla minn Stephanie Davies u l-ewwel punti ta’ Patricia Arguello u Adriana Lupo biex marru minn fuq. Luxol wieġbu ghal darbtejn, l-ewwel bi three pointer ta’ Kay Portelli, u komplew bil-free-throws ta’ Pace biex temmew is-sessjoni punt minn fuq 17-16. Starlites qalbu r-riżultat fil-ftuħ tat-tieni perjodu bil-punti ta’ Arguello, Revol u Lupo għalkemm Portelli għamlet it-tieni three pointer taghha. Punti ta’ Cristina Sollami, Darmanin u Noelene Vella poġġew lil Luxol fuq quddiem 27-24 u sal-halftime żammew vantaġġ ta’ punt 31-30 hekk kif Starlites kellhom aktar punti minn Arguello u Doughty.

Fit-tielet sessjoni, Luxol fetħu bi trippla ta’ Pace flimkien ma’ Paula Ellul biex baqgħu fuq quddiem 38-34. Hawn Starlites kellhom mument mill-aqwa fejn għamlu run ta’ 16-2 bi three pointers minn Arguello u Galea hekk kif Luxol tilfu momentarjament lil Pace b’injury. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni Galea u Doughty komplew iżidu l-vantaġġ għal Starlites 53-40. Luxol irkupraw u għamlu break ta’ 11-0 minn Darmanin, Pace u Portelli biex reġgħu naqqsu d-distakk għal punt 51-53. Arguello wieġbet għal Starlites b’ħames punti oħra u minkejja lil Luxol irrispondew pemezz ta’ Pace u Sollami, Starlites żammew il-vantaġġ fl-aħħar minuti u ħarġu rebbieħa 63-57.

Starlites GIG: M. Zammit Cordina, K. Galea 16, J. Doughty 9, S. Farrugia, H. Acreman 5, D. Revol 2, M. Riolo, E. Magrin, P. Arguello 22, M. Cutajar 1, S. Davies 3, A. Lupo 5.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 22, C. Borg Millo, I. Baena Medina 2, N. Vella 2, K. Portelli 9, P. Ellul 6, C. Solllami 7, M. Darmanin 9.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Filippos Tzimopoulos.

Gżira Athleta 53

Hibernians 66

(14-24)(9-19)(17-18)(13-5)

Fit-tieni partita, Hibs għelbu lil Gżira Athleta 66-53 u għalkemm id-distakk ta’ 13 il-punt se jgħinhom għat-tieni partita, il-vantaġġ kien ikbar tul il-partita fejn fit-tielet sessjoni Hibs kienu 28 minn fuq. Iżda rimonta mmexxija minn Amelia Simmons rat lil  Athleta jnaqqsu d-distakk u jħallu tama għat-tieni partita. Hibs kellhom id-debutt tal-internazzjonali żagħzugħa Sophie Abela li wara xi zmien tilgħab fl-Italja rritornat pajjiżna. Mill-bqija, ż-żewġ timjiet kienu bil-formazzjoni solita tagħhom. Athleta ħadu vantaġġ bil-punti ta’ Simmons flimkien ma’ Sharon Vella u trippla ta’ Leanne Duncan. Hibs irrispondew b’run ta’ 13-2 b’Silvia Gambino tkun protagonista fejn pattiet għall-wirja kwieta tal-Amerikana Rachel Kehoe. Athleta kellhom trippla oħra minn Sciberras iżda Sam Brincat reġgħat wieġbet għal Hibs biex huma temmew is-sessjoni 10 minn fuq 24-14. Hibs komplew jiddominaw il-partita fit-tieni sessjoni meta kellhom run ta’ 14-2 bi three pointers ta’ Gambino u Ema Micallef flimkien ma’ Elena Cassar biex fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 38-18. Punti fuq kull naħa ħallew l-istess distakk sal-halftime bil-Hibs fuq quddiem 43-23.

Wara l-intervall, il-partita kompliet bl-istess andament bil-Hibs jiftħu bi break ta’ 10-3 b’aktar punti ta’ Gambino, Brincat u Cassar u fetħu vantaġġ ta’ 27 punt 53-26. Hawn Athleta bdew inaqqsu d-distakk u Simmons ħadet l-attakk f’idejha u kellha 14 –il punt fosthom tlett three pointers wara xulxin però Hibs kienu għadhom 21 punt minn fuq 61-40. Athleta komplew fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni għal darb’oħra minn Simmons li fetħet bi trippla u għamlu disa’ punti oħra mingħajr risposta. Sa’ tmiem il-logħba Hibs għamlu ħames punti biex żammew vantaġġ b’figuri doppji hekk kif rebħu l-partita 66-53.

Gżira Athleta: N. Borg, B. Zammit, L. Duncan 8, A. Simmons 37, D. Said Hollier 4, A. Borg 2, J. Schembri, S. Vella 2, E. Pace, C. Mifsud.

 

Hibs: E. Micallef 3, E. Cassar 14, S. Gambino 21, S. Brincat 14, I. Agius, J. Abela, S. Abela 2, K. Caruana, N. Farrugia, R. Kehoe 6, K. Calleja, J. Scerri 6.

Referees: Gordon Barbara, Nicky Azzopardi, Jennifer Mangani.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/vantagg-ghal-starlites-u-hibs/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.