Vantaġġ għal Gżira Athleta u Depiro

Saturday, December 15, 2018, 18:01

Tazza Louis Borg Irġiel – Semifinali

Gżira Athleta 97

Floriana MCP Car Parks 68

(22-16)(20-11)(22-22)(33-19)

Gżira Athleta kellhom rebħa faċli aktar milli stennew fl-ewwel leg tas-semifinali

Ritratt: Wally Galea

kontra Floriana MCP Car Parks hekk kif huma fetħu vantaġġ ta’ 29 punt wara rebħa ta’ 97-68. Fil-bidu tal-partita l-logħob kien maqsum fuq iż-żewġ naħat bl-Athleta jkollhom il-punti ta’ Kwame Thompson u Vincent Pace bi Floriana jwieġbu permezz ta’ Gael Hulson u David Bugeja. Trippla ta’ Shawn Pace naqqset id-distakk għal punt però Athleta wieġbu bit-three pointers ta’ Pace u Nathan Xuereb biex temmew l-ewwel taqsima 22-16 minn fuq. Athleta komplew b’sitt punti oħra mingħajr risposta fil-ftuħ tat-tieni perjodu qabel ma Hulson wieġeb għal Floriana. Athleta ħasdu lil Furjaniżi b’erba’ three pointers oħra minn Peter Shoults u Pace biex daħlu jistrieħu 42-27 minn fuq.

Fit-tielet perjodu kien hemm mument ieħor tajjeb għall- Athleta bi break ta’ 14-3 b’diversi punti minn Pace u Matthew Gouder. Floriana finalment irrispondew u kellhom żewġ three pointers minn Kurt Xuereb u punti ta’ Hulson u Ian Thiesen però Athleta kienu għadhom 64-49 minn fuq fi tmiem it-taqsima. Fl-aħħar sessjoni Athleta reġgħu bdew jiddominaw lill-avversarji u fetħu b’run ta’ 11-2. Floriana dehru mfixkla u tilfu diversi blalen biex Athleta komplew jinqatgħu fuq quddiem u jżidu l-vantaġġ għat-tieni partita. Huma kellhom il-punti minn Thompson u trippla oħra ta’ Pace biex rebħu l-partita 97-68.

Gżira Athleta: M. Gauchi Montaldo , P. Shoults 8, L. Stefanovic, A. Perunicic, N. Xuereb 8, M. Gouder 13, K. Thompson 26, V. Pace 30, I. Mitrovic, C. Shanks 12.

 

Floriana MCP Car Parks: S. Pace 3, D. Bugeja 7, I. Arias 2, S. Borg, K. Caruana, K. Liivamangi, C. Calleja, I. Thiesen 26, K. Xuereb 12, G. Hulsen 18.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Daniella Torok

Depiro 92

Starlites GIG 81

(21-23)(16-11)(26-22)(29-25)

Depiro kisbu riżultat posittiv li sa’ ċertu punt jista’ jitqies bħala sorpriża hekk kif huma għelbu lil Starlites GIG 92-81 biex jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 12 –il punt għat-tieni partita. L-Amerikani Trent Steen u Keshaun Hamilton kellhom wirja mill-aqwa fejn qasmu bejniethom 51 punt u diversi rebounds. Depiro bdew tajjeb u għamlu l-ewwel seba’ punti tal-partita bi trippla ta’ Hamilton. Starlites irrispondew permezz ta’ Jordan Stotts u waslu sa’ basket ‘l bogħod u komplew b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Stotts li rathom itemmu s-sessjoni basket minn fuq 23-21. Fit-tieni perjodu, Starlites żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Robert Bonnici għalkemm Hamilton ukoll wieġeb bi trippla għal Depiro. Sitt punti mingħajr risposta ta’ Starlites rathom jiftħu vantaġġ ta’ 7 punti 34-27 però Depiro kellhom risposta bi break ta’ 10-0 bejn Steen u Hamilton u Jack Nygaard biex dawwru l-iskor 37-34.

Wara l-intervall, Depiro fetħu b’żewġ trippli minn Andrew Aquilina biex kabbru d-distakk. Starlites wettqu reazzjoni rabjuża li ssarfet fi break ta’ 14-4 biex marru fuq quddiem 52-50. Depiro ma tfixklux u reġgħu kienu huma li għamlu run ta’ 13-2 biex temmew il-perjodu 63-56 minn fuq. Fl-aħħar taqsima l-partita baqgħet kumbattuta però Starlites qatt ma rnexxielhom jerġgħu jaqilbu l-iskor. Anzi kienu Depiro li lejn it-tmiem ħasduhom b’run ta’ 10-0 b’diversi punti ta’ Steen u trippla ta’ Aquilina biex qabel intemmet il-partita Starlites kellhom three pointer minn Joe Tagarelli però kienu Depiro li ħarġu rebbieħa 92-81.

Depiro: T. Steen 26, K. Hamilton 25, J. Attard, A. Aquilina 12, N. Grech 3, O. Said 6, M. Mallia, E. Briffa, M. Borg, J. Nygaard 7, A. Chomo 13, A. Attard.

 

Starlites Gig: O. Psaila, N. Formosa 8, R. Bonnici 5, C. Ward 20, M. Falzon, A. Felice Pace 4, R. Carabott, M. Scerri, A. Sears 8, J. Tagarelli 17, J. Scotts 19.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Malek Hraisha

 





Leave a comment