Vantaġġ għal Gżira Athleta u Bupa Luxol wara l-ewwel leg

Thursday, December 14, 2017, 22:23

Tazza Louis Borg Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 72

Gżira Athleta 78

(12-15)(12-20)(15-20)(33-23)

Fl-ewwel leg tas-semifinali tat-tazza Louis Borg, Gżira Athleta għelbu lil Hibernians 78-72 riżultat li jħalli kollox miftuħ għat-tieni leg li se jintlagħab nhar il-Ħadd. Hija ħasra li partita daqshekk sabiħa kellha tittapan lejn it-tmiem b’inċidenti fuq il-court bejn uffiċjali taż-żewġ timijiet. Kollox beda meta kuntatt bejn Billy Zammit u Alvaro Lizaur f’attakk tal-Hibs tħalla għaddej mir-referee Dobrosaviljevic u minn hemm ‘l quddiem assistejna għal sensiela ta’ protesti, technical fouls u argumenti sħan fi tmiem il-partita. Kienet partita li offriet basketball tajjeb miż-żewġ naħat bl-Athleta ma jikkontrollawx vantaġġ ta’ 20 punt li kellhom fir-raba’ taqsima. Iż-żewġ timijiet kellhom il-formazzjoni tipika tagħhom. Athleta kienu aħjar fid-difiża b’Omar Said jillimita ħafna lil Chad Patus u Ivan Mitrovic u Peter Shoults jaħdmu fuq quddiem. Hibs fetħu b’żewġ three pointers minn Alvaro Lizaur u Luke Farrugia. Athleta wieġbu b’run ta’ 9-0 bi three pointer ta’ Mitrovic qabel ma żewġ baskets minn Anton Axiaq u Lizaur taw il-vantaġġ għall-aħħar darba lil Hibs. Athleta kellhom il-punti ta’ Jon Feiler u Mitrovic biex temmew l-ewwel sessjoni 15-12 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Athleta bdew gradwalment ikabbru l-vantaġġ hekk kif Feiler beda jsib il-basket b’mod regolari. Għal Hibs kien hem ir-risposta min Axiaq flimkien ma’ Marco Matijevic, Patus u Lizaur però żewġ baskets ta’ Michael Naudi raw lil Athleta jidħlu jistrieħu 35-24 minn fuq.

Wara l-intervall, Hibs naqqsu d-distakk meta fetħu bi trippla ta’ Roderick Vella u basket iehor ta’ Axiaq. Athleta rrispondew b’run ta’ 10-2 biex reġgħu ħadu vantaġġ b’figuri doppji 44-29. Hibs kellhom il-punti ta’ Farrugia fosthom trippla però kienu Athleta li kellhom l-aħjar tmiem tas-sessjoni b’punti ta’ Feiler u Shoults għal skor ta’ 55-39. Fl-aħħar perjodu, d-distakk baqa ta 15 –il punt wara trippla fuq kull naħa minn Shoults u Farrugua. Athleta saħanstitra marru 20 minn fuq 68-48 wara baskets minn Naudi u Feiler u trippla ta’ Mitrovic. Hawn Hibs kellhom mument tajjeb b’żewġ trippli ta’ Vella flimkien m’ohra ta’ Simon Attard u komplew bi break ta’ 8-0 minn Matijevic li kellhu raba’ sessjoni mill-aqwa. Huma naqqsu d-distakk bin-nofs 65-75 però hawn wasal il-mument jahraq tal-logħba bl-azzjoni bejn Zammit u Lizaur bl-Ispanjol jispiċċa barra mill-logħba wara t-tieni technical foul. Athleta żiedu l-vantaġġ 78-65 però sensiela ta’ freethrows raw lil Hibs jerġgħu jersqu viċin u jħallu kollox miftuħ għat-tieni logħba fuq skor ta’ 78-72.

Hibernians: R. Vella 11, P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia 13, S. Attard 3, I. Bonnett, A. Axiaq 10, M. Matijevic 14, A. Lizaur 12, F. Mariani 4, C. Patus 5.

 

Gżira Athleta: M. Naudi 21, B. Zammit, D. Camilleri, P. Shoults 9, F. Mifsud Bonnici, O. Said 5, L. Stefanovic, N. Xuereb, S. Vincic, I. Mitrovic 14, J. Feiler 29.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Bupa Luxol 86

Starlites 64

(19-14)(18-10)(23-22)(26-18)

Fit-tieni semifinali, ic-champions Bupa Luxol għelbu lil Starlites GIG 86-64 fl-ewwel leg biex ħadu wkoll ir-raba’ rebħa fuq l-istess avversarji dan l-istaġun. Starlites kellhom lura lil Shawn Pace u Sean Borg li kienu nieqsa fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra l-istess Luxol. Fil-fatt kienu dawn iż-żewġ players li fetħu l-punteġġ tal-partita bil-Luxol iwieġbu bi break ta’ 13-4 bi trippla ta’ William Ahlberg flimkien ma’ Nicola Vasovic u Keith Dimech. Wara li Starlites wieġbu permezz ta’ Pace u Robert Bonnici, Luxol żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Kyle Meyer u baskets ta’ Vasovic u Dimech biex temmew l-ewwel sessjoni 19-14 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites ġew lura bil-punti ta’ Mithcell Brewe, Ryan Carabott u Alec Felice Pace biex għamlu l-iskor indaqs 22-22. Hawn però Luxol għamlu run tajba ta’ 15-2 bi trippla ohra ta’ Meyer flimkien ma’ Dimech u Ahlberg biex daħlu jistriehu 37-24 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bi Starlites ikollhom trippla ta’ Pace biex jersqu viċin. Luxol wieġbu b’seba’ punti konsekuttivi minn Vasovic u Ahlberg. Starlites reġgħu naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Bonnici però Ahlberg kompla jkun vivaċi fl-attakk u l-punti kontinwi tiegħu raw lil Luxol itemmu t-taqsima 60-46 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Luxol reġgħu bdew tajjeb meta għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Meyer u fetħu vantaġġ ta’ 24 punt 71-47. Baskets fuq kull naħa ħallew l-istess distakk bil-Luxol ikollom punti mid-distanza minn Ahlberg. Luxol ikkontrollaw l-aħħar ftit minuti li kien fadal biex rebħu l-partita 86-64 u b’distakk ta’ 22 punt huma favoriti li jaslu sal-finali.

Bupa Luxol: CJ Cordina 2, M. Sjoberg, N. Vasovic 18, JP Schembri 2, K. Dimech 14, W. Ahlberg 26, A. Micallef Trigona, K. Meyer 18, S. Cappello 6.

 

Starlites: S. Pace 11, M. Azzopardi, R. Bonnici 11, A. Schembri 2, S. Borg 2, M. Falzon, A. Felice Pace 2, R. Carabott 12, O. Psaila, N. Andrejevic, J. Wait, M. Brewe 24.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Stephen Micallef.





Leave a comment