- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Valletta u Mriehel ESS jirbħu l-unuri

Posted By Sportinmalta On March 27, 2018 @ 10:31 am In Featured,Futsal | No Comments

Valletta saru ċ-ċampjins tal-Elite, wara li rebħu sfida ferm missielta kontra r-rivali tagħhom Luxol. Wara li Valletta rebħu l-ewwel finali bl-iskor ta’ 5-1, il-Ġimgħa filgħaxija rebħu t-tieni finali bl-iskor ta’ 5-4 wara l-għoti tal-penalties. Għal darb’oħra dawn iż-żewġ qawwiet fil-futsal lokali, offrew logħba mill-aktar eċċitanti lill-folla numeruża preżenti fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

L-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls, minkejja d-diversi azzjonijiet perikolużi fuq kull naħa. Wara erba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, azzjoni maħduma tajjeb wasslet lil Jovica Milijic biex jiftaħ l-iskor għall-Beltin. Daqs ħames minuti wara, Andy Mangion reġa’ ġab l-iskor indaqs. Meta kien fadal madwar żewġ minuti logħob, Dylan Musu reġa’ poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ u ta bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet. Iżda kontra kull mistenni, kollox waqaf ħesrem, hekk kif kien fadal biss sekonda u Luxol reġgħu ġabu d-dro. Minn corner, il-ballun ġie għand Emil Andrei Raducu li ta d-daqqa finali tat-2-2. B’hekk iż-żewġ timijiet kellhom imorru għall-għoti tal-penalties.

L-ewwel kien Gia Nikvashvili li ġie mċaħħad mill-gowlkiper ta’ Luxol Christian Cassar. Celino Alves li rritorna għal din il-logħba finali, xeħet il-ballun fix-xibka. L-istess għamel Camilo Andres Gomez Vanegas għal Valletta. Andy Mangion falla l-penalti tiegħu għat-tim minn St. Andrews. Jovica Milijic għeleb lil Cassar u min-naħa l-oħra Raducu għeleb lil Brandon Debono. Fl-aħħarnett, Dylan Musu skurja l-penalti konsekuttiv, iżda Maicon Silva ta’ Luxol falla u ta r-rebħa lil Valletta.

Wara tmiem il-logħba ma naqasx il-ferħ inkontrollabli tat-tim kollu u l-partitarji Beltin, li wassal għall-preżentazzjoni finali. Il-qofol ta’ kollox intlaħaq meta l-captain Belti Melvin Borg irċieva t-tazza mingħand il-President Onorarju tal-FMA l-Perit Mark Borg u t-Teżoriera Mireille Vella.

Mill-Ewwel Diviżjoni, Mriehel ESS saru ċ-ċampjins ta’ din id-diviżjoni, meta għelbu lil Tarxien JMI fil-finali tal-Play Offs, bl-iskor ta’ 8-7. Għal Mriehel ESS kellna doppjetta ta’ u Faisal Alnakuoo, awtogowls ta’ Radovan Duric, Uros Markovic u Craig Pickard, flimkien mal-gowls ta’ Victor Diego Viera Marinho, Essa Benatiya u Ayoub Ahmad. Għal Tarxien JMI kellna doppjetti ta’ Radovan Duric, Armando Djepali u William Barbosa, flimkien mal-gowl ta’ Craig Pickard.

Wara t-tmiem il-logħba, it-tim ta’ Mriehel ESS ġew ippremjati mill-President Onorarju tal-FMA l-Perit Mark Borg u t-Teżoriera Mireille Vella.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/valletta-u-mriehel-ess-jirbhu-l-unuri/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.