Valletta u Luxol finalisti fin-Knock Out

Wednesday, March 20, 2019, 9:36

Valletta u Luxol qatgħu passaġġ għall-finali tan-Knock Out li hija skedata għall-Ġimgħa 26 ta’ April fit-20:15 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Fl-ewwel semifinali Valletta tħabbtu mhux ftit biex għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 5-3.

Valletta kisbu vantaġġ doppju meta wara għaxar minuti logħob Rafael Medeiros Rodrigues fetaħ l-iskor u Shawn Vella għamilhom 2-0. Birkirkara naqsu l-iskor meta kien fadal biss tlettax-il sekonda minn tmiem l-ewwel taqsima, b’gowl ta’ Faisal Alnakuoo.

Valletta ħarġu tajjeb fl-ewwel taqsima u skurjaw it-tielet gowl wara biss tliet minuti permezz ta’ Dylan Musu. Għaldaqstant Birkirkara ma ħarsux lura u fi ftit minuti ġabu l-iskor indaqs għal 3-3, permezz ta’ Alan Galea u Gary Inguanez. Fl-aħħar sitt minuti Valletta reġgħu ħadu l-kontroll tal-logħba u skurjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Camilo Andres Vanegas Gomez u Melvin Borg.

Għall-kuntrarju tal-ewwel semifinali, Luxol faċilment għelbu lil Pietà Hotspurs bl-iskor finali ta’ 9-0.

Wara biss erba’ minuti, twaqqa’ George Frendo fil-kaxxa u l-istess Frendo fetaħ l-iskor minn penalty. Sitt minuti wara Frendo rdoppja l-iskor b’xutt b’saħħtu minn mal-linja. Luxol komplew iżidu l-iskor permezz ta’ Zvezdan Vukovic, Chris Cardona, Aidan Micallef, doppjetta ta’ Maicon Silva Gaiewski u żewġ awtogowls ta’ Christian Wismayer u Paul Scerri.

Mir-Rawnd tal-Elite Valletta baqgħu fil-quċċata meta fil-bidu tal-ġimgħa għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 3-1. It-tliet gowls Beltin waslu minn doppjetta ta’ Mohamed Lamari u gowl ta’ Camilo Andres Vanegas Gomes. L-uniku gowl ta’ Swieqi United ġie skurjat minn Shaun Deguara.

Luxol li qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Valletta, żiedu wkoll rebħa oħra hekk kif din il-ġimgħa għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 6-1. Wara kwarta logħob kienu Tarxien Rainbows li fetħu l-iskor permezz ta’ Jose Maria Aguilera. Luxol dawru bil-kbir telfa f’rebħa b’tripletta ta’ Maicon Silva Gaiewski, doppjetta ta’ Zvezdan Vukovic u gowl ta’ Leanderson Coriolando Sant’Anna.

L-Istudenti tal-Università ta’ Malta kellhom ibaxxu rashom għat-tim ta’ Birkirkara f’telfa ta’ 7-3. Il-gowls Karakariżi waslu minn doppjetti għal Everton Da Silva Santos, Faisal Alnakuoo u Victor Castro Pedrosa flimkien mal-gowl ta’ Rennie Tanti. Min-naħa l-oħra Aidan Caruana, Ivan Jovanovic u Lee Grech skurjaw għat-tim tal-Università ta’ Malta.

Intant fl-uniku logħba li kellna mill-Ewwel Diviżjoni, Pietà Hotspurs tilfu kontra Swieqi United U21 bl-iskor ta’ 8-4 .

Klassifika Elite

Valletta & Luxol 51; Birkirkara & Swieqi United 31; L-Università ta’ Malta 18; Tarxien Rainbows 15

Klassifika L-Ewwel Diviżjoni

Pietà Hotspurs 19; Luxol U19 13; Swieqi United U21 12; UM Futsal Academy 3

Matul din il-ġimgħa:

Il-Ħamis 21 ta’ Marzu

Elite

Birkirkara vs Tarxien Rainbows (fit-20:15 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin)

L-Università ta’ Malta vs Swieqi United (fl-22:00 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin)

Il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu

Valletta vs Luxol (fit-20:15 fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin)

L-Ewwel Diviżjoni

UM Futsal Academy vs Pietà Hotspurs (fid-20:45 fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, f’Pembroke)





Leave a comment