Valletta u Ħamrun jibqgħu jżommu l-pass ma’ Luxol

Thursday, January 28, 2016, 20:35

Gavin Muscat

Is-sena l-ġdida 2016 ġabet magħha r-ritorn tall-kampjonat tal-futsal u l-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali ġdid għall-Futsal Malta Association (FMA).

Ftit tal-ġranet ilu, Kenneth Cefai mela l-post li kien ilu vakanti għal dawn l-aħħar ħdax-il xahar, wara li ġie konfermat mill-kumitat eżekuttiv tal-FMA.

Intant Valletta u Ħamrun Spartans li jkomplu l-ġirja tagħhom flimkien, isegwu lil Luxol li baqgħu waħedhom fil-quċċata.

Rebħa perfett ta’ Valletta li għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 8-0. Il-Beltin kellhom wirja kollettiva mill-aqwa kemm fuq l-attakk u kemm fid-difiża sabiex rażżnu l-attakki Slimiżi.

Il-Beltin marru fuq quddiem bi tliet gowls kmieni fil partita, skurjati minn Cristian Cuadros Silva, Denis Di Maio u Jovica Milijic.

Il-plejer internazzjonali ta’ Sliema Aleksander Ribic li kien imrażżan tajjeb tul il-partita kollha, laqat il-lasta u ċ-ċans ta’ Darren Agius ġie salvat tajjeb mill-gowlkiper Belti Neil Cuschieri.

Il-Beltin komplew jiskurjaw permezz ta’ Xavier Saliba, Jurgen Pace, Liam Cachia u żewġ gowls sbieħ ta’ Melvin Borg.

Il-Ħamruniżi wkoll rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 13-4. Wara l-ewwel għaxar minuti logħob, l-Ispartans laqtu l-lasta tliet darbiet, iżda l-iskor kien għadu ma nfetaħx. Imbagħad waslu t-tliet gowls Ħamruniżi li bihom komplew iżidu r-ritmu u l-pussess tal-ballun.

Michael Spiteri weġġa f’konfront li kellu ma’ Ryan Cassar u kellu jinħareġ għall-bqija tal-logħba.

Lejn l-aħħar seba’ minuti Ħamrun Spartans naqsu ftit mill-attenzjoni u Sirens skurjaw l-erba’ gowls tagħhom, permezz ta’ Antoine Galea, doppjetta ta’ Ryan Cassar u gowl ieħor ta’ Patrick Barbara.

Il-gowls Ħamruniżi waslu permezz ta’ ħames gowls kull wieħed għal George Frendo u Raphael Felipe Ortiz de Oliveira, doppjetta ta’ Michel Melo Jose u awtogowl.

Luxol minn naħa tagħhom kellhom rebħa faċli fuq Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 13-0. Erba’ gowls għal Brażiljan Celino Alves, doppjetti għal Carl Azzopardi, Florin Anton, Mark Zammit, Glenn Bonello u awtogowl ta’ Joseph Chetcuti.

Marsaskala kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva f’dan l-istaġun meta għelbu lil Gozo bl-iskor ta’ 3-0. Il-gowls waslu b’doppjetta ta’ Nikolay Filipov u gowl ta’ Reuben Degabriele.

Rebħa oħra importanti kienet dik ta’ Swieqi United fuq Mqabba bl-iskor ta’ 7-2. Għal Swieqi kellna doppjetti ta’ Dylan Micallef u Diego Gomes de Mello, flimkien mal- gowls ta’ Boicho Marev, Cristian Hurtado Sanchez u Gabor Balan. Mqabba naqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Steve Falzon u Lydon Baldacchino.

Msida SJ tħabtu mhux ftit biex għelbu lil Mdina Knights bl-iskor ta’ 5-4. L-akkwist il-ġdid Milan Balovic, Paulo Diones Mendes da Silva, Armando Gjepali, Noel Portelli u Herbert Spteri skurjaw għall-Msida SJ. Mdina daħlu fil-logħba b’doppjetta ta’ Cleaven Portelli u gowls ta’ Ryan Micallef u Leo Muscat.

Fl-aħħarnett Lija Athletic għelbu faċilment lil Qrendi bl-iskor ta’ 6-1. Lija skurjaw permezz ta’ Nicola Del Re, Luke Stivala, Redeemer Borg, Darren Aitchinson, Chris Cardona u Ebrahim Massoudi. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Qrendi skurjah Alan Spiteri.

Klassifika:

Luxol 21;

Hamrun Spartans, Valletta 19;

Msida SJ 16;

Lija Athletic, Swieqi United 15;

Sliema Wanderers 9;

Sirens 7;

Mdina Knights, Mqabba, Zebbug Rangers, Marsascala 6;

Qrendi, Gozo 0





Leave a comment