Valletta Subbuteo Club u Bormla Subbuteo Club fl-Ewropa

Monday, October 29, 2018, 14:12

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew organiżżati ċ-Champions league u l-Europa League.

Iċ-Champions League ġiet organiżżata ġewwa Palma de Mallorca fi Spanja fejn ħadu sehem 24 tim.  Is-Sibt intlagħbet il-fażi tal-gruppi fejn Valletta SC spiċċaw fit-tieni post tal-grupp.  Il-Ħadd, Valletta Subbuteo Club kellhom riżultat sodisfaċenti ħafna meta waslu sal-kwarti tal-finali.  Sfortunatament tilfu kontra t-tim Taljan Reggio Emilia bl-iskor ta’ 3-1, fejn l-istess tim kien ir-rebbieħ tal- kompetizzjoni, li għelbu lil Napoli Fighters li magħhom jilgħab Massimo Cremona bl-iskor ta’ 2-1.  It-tim Taljan CCT Eagles Napoli li miegħu jilgħab Angelo Borg wasal sas-semifinali u SC Fiamme Azzure ta’ Hansel Mallia waslu sal-kwarti tal-finali.  Fil-klassifika finali Valletta Subbuteo Club spiċċaw fis-seba’ post.

F’ Valle d’Aosta l-Italja ġiet organiżżata l-Europa League, b’għoxrin tim jipparteċipaw.  Is-Sibt fil-fażi tal-gruppi Bormla SC spiċċaw fit-tieni post filwaqt li Valletta Lions TFC ġew fir-raba’ post. Il-Ħadd, Bormla Subbuteo Club kellhom riżultat mill-aqwa meta waslu sal-finali, iżda sfortunatament tilfu kontra Bologna Tigers bl-iskor ta’ 2-0.  Valletta Lions TFC kellhom riżultat tajjeb meta spiċċaw fl-għaxar post tal-klassifika finali.  Il-plejers Maltin Tristan Fenech u John Zammit kienu qed jilagħbu mat-tim Grieg Pireus Lions, u spiċċaw fis-sittax il-post.  Master Sanremo li jilgħab magħhom Jason Pisani spiċċaw fit-tielet post.





Leave a comment