Valletta Stars waqqfu l-mixja ta’ San Ġiljan Saints

Sunday, January 5, 2020, 12:57

Valletta Stars waqqfu l-mixja ta’ San Ġiljan Saints u tawhom l-ewwel telfa staġjonali meta b’wirja mill-aqwa huma rebħulhom bl-iskor ta’ 4-2.

Hekk kif intlagħbet il-ħames ġurnata tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni kellna derby interessanti bejn Tarxien u Fgura filwaqt li Balluta Barracudas ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom b’rebħa tajba fuq Mosta Vikings.

Se jkun kampjonat ferm interessanti speċjalment fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika fejn erba’ timijiet se jkunu qed jissieltu għall-promozzjoni.

Min-naħa l-oħra, intlagħbet il-logħba mill-Ewwel Diviżjoni li ġiet posposta ftit tal-ġimgħat ilu fejn Valletta St Pauls kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Qormi Hotspurs.

Kif għedna, l-Istilel Beltin rebħu d-dwell dirett tal-quċċata tal-klassifika meta b’wirja mill-aktar kuraġġuża, huma għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 4-2.

Għat-tim immexxi minn Iain McLeod din kienet l-ewwel telfa staġjonali u għalkemm baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika, ġew milħuqa mill-istess Valletta Stars għalkemm b’logħba iktar.

Wara nofs siegħa fejn id-difiżi kkontrollaw tajjeb l-attakki rispettivi, Valletta Stars marru fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Sillah Sainey.

Fit-tieni taqsima, l-Istilel Beltin baqgħu determinati u skorjaw żewġ gowls oħra f’temp ta’ seba’ minuti wara awto-gowl ta’ Bjornar Heggerness u gowl mill-isbaħ ta’ Nunzio di Mauro.

San Ġiljan Saints daħlu mill-ġdid fil-logħba permezz ta’ Ionut Popescu sabiex għamel l-iskor 3-1.

Madankollu reġgħu kienu t-tim mill-kapitali li skorjaw grazzi għal Luke Bonello li sab ix-xibka għat-tieni darba f’dan l-istaġun.

Michael Hennessy għamel l-iskor 4-2 fl-64 minuta għalkemm kien tard wisq biex isalvaw xi ħaġa minn din il-partita.

Referì kien Karl Galea.

Tarxien AFC rebħu derby mill-aktar akkanit meta fil-grawnd ta’ Santa Luċija għelbu lil Fgura Spartans bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ta’ botta u risposta, b’Tarxien li dejjem imorru fil-vantaġġ u bi Fgura li għal darba darbtejn għamlu l-iskor indaqs.

Protagonista prinċipali kien l-attakkant mit-Togo Calasco Cava li skorja doppjetta sabiex xpruna lit-Tarxiniżi għas-suċċess finali.

Kien proprju Cava li poġġihom fil-vantaġġ wara seba’ minuti logħob meta rċieva tajjeb mingħand Shaun Abela u waħdu f’lasta vojta tefa’ ġewwa.

Hekk kif l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 favur Tarxien, fit-tieni taqsima Fgura ħarġu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Abdil Ali Jamal li rċieva mingħand Charlton Schembri u b’xutt qawwi għeleb lil Miguel Muscat.

Tarxien ftit dehru li ġew impressjonati minn dan id-dro għax pront reġgħu marru fil-vantaġġ meta Shaun Abela ġie mwaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper avversarju bir-referi jsaffar għal penalty li ġie skorjat mill-istess plejer.

Fl-54 minuta l-Ispartans reġgħu ġabu l-iskor indaqs permezz tal-plejer kowċ Charlton Schembri li kien qed jirritorna għal-logħob. Hu approfitta minn clearance ħażina tad-difiża sabiex b’rovexxjata ħasad lil Muscat.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar kienu Tarxien li daħku l-aħħar daħka meta reġa’ kien Calasco Cava li għeleb lill-gowlkiper avversarju għal doppjetta personali.

Referì kien Adrian Caruana.

Balluta Barracudas kisbu t-tieni rebħa staġjonali meta mingħajr wisq diffikultà huma għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 5-1.

Protagonista prinċipali tal-logħba kien iż-żagħżugħ Zak Muscat li skorja hat-trick u qed jaqsam l-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Nunzio di Mauro ta’ Valletta Stars.

Iż-żgħażagħ mill-Balluta kienu maħsuda meta wara żewġ minuti logħob sfaw gowl minn taħt meta Ryan Tanti fetaħ l-iskor għal Mosta.

Madankollu Barracudas għamlu reazzjoni qawwija u f’temp ta’ 20 minuta għalqu l-ewwel taqsima 3-1 minn fuq grazzi għal doppjetta ta’ Zak Muscat u gowl ieħor ta’ Matthew Tortell.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba ftit inbidel u Balluta sabu l-okkażjoni biex iżidu żewġ gowls oħra permezz tal-istess Muscat u Daniel Zammit Lupi.

Referì kien Lorry Sammut.

Finalment intlagħbet il-logħba mill-ewwel diviżjoni bejn Valletta St Pauls u Qormi Hotspurs li kienet ġiet posposta minħabba li nqata’ d-dawl fil-grawnd ta’ Santa Lucia.

Din id-darba l-logħba intlagħbet fil-grawnd tal-Mosta b’Valletta St Pauls li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0. Din ir-rebħa għenet lit-tim mill-kapitali jaqbeż fit-tieni post tal-klassifika ġenerali.

Huma marru fil-vantaġġ fis-27 minuta permezz ta’ Uros Markovic.

Fit-tieni taqsima Valletta St Pauls żiedu żewġ gowls oħra grazzi għal Gary Tanti fis-56 minuta u Dragan Ilic fis-67 minuta.

Referì kien Aleksander Jovanovic.

 

Klassifika MAFA L-Ewwel Diviżjoni:

Marsa St Michael 10, Valletta St Pauls 7, Qormi Hotspurs 6, Żurrieq Sunrise 5, Senglea Gunners, Balzan Youths AFC 4, Versity AFC 3.

Klassifika MAFA It-Tieni Diviżjoni:

San Ġiljan Saints, Valletta Stars 12, Tarxien AFC 9, Balluta Barracudas 8, Fgura Spartans, Naxxar Victorians 5, Mosta Vikings 0





Leave a comment