Valletta St Pauls miżmuma minn Versity AFC

Monday, March 2, 2020, 7:43
Iċ-ċampjins tal-istaġun li għadda Versity AFC żammew lil-liders tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Valletta St Pauls fi dro ta’ 1-1 sabiex it-tim mill-kapitali fallew milli jżidu l-vantaġġ li għandhom f’ras il-klassifika b’iktar punti.

Mill-banda l-oħra Żurrieq Sunrise telgħu fit-tieni post tal-klassifika għalkemm batew biex għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 2-1.

Hekk kif intlagħbet it-tmien ġurnata ta’ dan il-kampjonat, it-taqtiegħa għall-unur finali tidher li se tkun dejjem aktar ħarxa b’Valletta St Pauls jiggwidaw bi 17-il punt b’Żurrieq Sunrise tliet punti warajhom u Marsa St Michael bi 13 għalkemm dawn tal-aħħar saħansitra għandhom żewġ logħbiet nieqsa. B’hekk nistgħu naraw sitwazzjoni li jekk dawn tal-aħħar jirbħu l-partiti li għandhom huma jistgħu jaqbżu fil-quċċata.

F’dawn iż-żewġ partiti, li kienu xi ftit movimentati,  ġew skorjati ħames gowls.

Kif għedna, Valletta St Pauls setgħu jispiċċaw biss fi dro ta’ 1-1 kontra Versity AFC. Dawn tal-aħħar kellhom wirja tajba kontra l-liders tal-klassifika fejn bil-mod il-mod it-tim ġej f’tiegħu għalkemm xorta waħda għadhom fl-aħħar post tal-klassifika.

Valletta St Pauls ippruvaw jiksbu l-gowl tar-rebħa iżda sabu lid-difiża minn Tal-Qroqq f’burdata li ma jagħtu ebda rigali sabiex ħarġu b’punt minn dan il-konfront.

Kienu Versity AFC li marru fil-vantaġġ wara biss sitt minuti grazzi għal Abel Okoro li għeleb lill-gowlkiper ta’ Valletta St Pauls Jianiro Camilleri.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur Versity AFC, fit-tieni taqsima rajna reazzjoni qawwija mill-Beltin li kellhom l-għan li jerġgħu jidħlu fil-partita. Huma għamlu dan proprju fil-45 minuta meta Tyron Borg ġab l-iskor indaqs sabiex għeleb lil Hamza Afifi bejn il-lasti ta’ Versity. Dan kien it-tieni gowl li skorja l-attakkant Belti matul dan l-istaġun.

Kien hawn li l-Beltin żiedu aktar id-doża fl-attakk iżda d-difiża avversarja żammet sod sabiex tal-inqas ħarġet b’punt minn din il-logħba.

Referi kien Lorry Sammut.

Żurrieq Sunrise kisbu rebħa prezzjuża ta’ 2-1 kontra Qormi Hotspurs f’logħba li kien fiha minn kollox.

B’dan ir-riżultat is-Sunrise jinsabu issa waħedhom fit-tieni post tal-klassifika, tliet punti bogħod mil-liders Valletta St Pauls. Min-naħa tagħhom b’din it-telfa Qormi baqgħu f’nofs il-klassifika f’disa’ punti minn tmien logħbiet.

Protagonista assolut ta’ din il-partita kien l-attakkant ta’ Żurrieq Sunrise Matthew Salvatore Magro li kien awtur ta’ doppjetta sabiex xpruna lit-tim tiegħu għas-suċċess finali.

Kien proprju Salvatore Magro li poġġa lil Żurrieq fil-vantaġġ fis-26 minuta wara azzjoni ferm tajba mibdija minn Yulya Emera.
Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur is-Sunrise, fit-tieni taqsima huma baqgħu tajbin tant li rduppjaw l-iskor fl-40 minuta fejn wara azzjoni ta’ frikik, kien l-istess Salvatore Magro li għeleb lill-gowlkiper Dwayne Camilleri mill-viċin.

Qormi bħal donnhom stenbħu u wettqu reazzjoni tant li fis-46 minuta naqqsu l-marġni tal-iskor fejn wara kontrattakk veloċi, l-akkwist il-ġdid tagħhom Gary Desira twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur Żurrieqi bir-referi tal-partita jordna penalty.

Mill-11-il metru kien Jean Carl Cuschieri li għeleb lill-keeper avversarju Ivan Valentin għal skor ta’ 2-1.

Hekk kif kien għad fadal aktar minn 24 minuta, Qormi xeħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jieħdu għallinqas dro għalkemm reġgħu kienu Żurrieq li resqu viċin meta xutt ta’ Marco Saraceno ħabat mal-lasta.

Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-istess Żurrieq li ċċelebraw ir-raba’ rebħa staġjonali sabiex żammew ħajjin it-tamiet tagħhom li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat.

Referi kien Jason Penza.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Valletta St Pauls 17, Żurrieq Sunrise 14, Marsa St Michael 13, Qormi Hotspurs 9, Senglea Gunners 6, Balzan Youths AFC, Versity AFC 5.





Leave a comment