Valletta St Pauls laħqu lil Marsa fil-quċċata

Sunday, January 12, 2020, 17:45

Valletta St Pauls laħqu lil Marsa St Michael f’ras il-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta b’wirja mill-aqwa rebħu bl-iskor ta’ 3-0 lill-istess avversarji.

Dawn kienu tliet punti importanti ferm għat-tim immexxi minn Anthony Bonello li xejjen għal kollox l-isfida li ppruvaw joffrulhom Marsa. Għal dawn tal-aħħar din kienet ukoll l-ewwel telfa fil-kampjonat għalkemm xorta għadhom fl-ewwel post tal-klassifika.

F’din il-ħames ġurnata tal-kampjonat spikkat ukoll ir-rebħa tajba ta’ Żurrieq Sunrise fuq iċ-champions Versity AFC li uffiċjalment jinsabu fi kriżi kbira ta’ riżultati. B’hekk iż-Żrieraq jinsabu biss żewġ punti bogħod mill-quċċata tal-klassifika.

Mill-banda l-oħra kellna dro ġust ta’ 1-1 bejn Senglea Gunners u Balzan Youths AFC li ftit biddel ix-xorti tagħhom fil-klassifika.

Fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni spikkaw ir-rebħiet ta’ San Ġiljan Saints u Balluta Barracudas li għenuhom sabiex iżommu t-tamiet tal-promozzjoni ħajjin.

Kif għedna fil-grawnd ta’ Santa Lucia, Valletta St Pauls għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 3-0. Kienet logħba fejn it-tim mill-kapitali ddomina lill-avversarji tagħhom li kellhom erba’ plejers neqsin mill-formazzjoni tagħhom.

Spikka fuq kulħadd il-plejer il-ġdid minn Georgia Tsotine Jiontchdradze li skorja doppjetta u xpruna lit-tim tiegħu għar-riżultat importanti.

Kien hu li fetaħ l-iskor fil-25 minuta wara li daħal tajjeb u għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur it-tim mill-kapitali, fit-tieni taqsima Marsa St Michael ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda sabu lis-St Pauls li kellhom ideat oħra tant li skorjaw darbtejn oħra.

L-ewwel kien Jiontchdradze li għaqqad doppjetta personali fit-58 minuta sabiex fl-aħħar minuta tal-logħba l-iskorer prolifiku Tyron Borg żied ieħor għall-Beltin.

Referì tal-partita kien Lorry Sammut.

Żurrieq Sunrise komplew bil-mument pożittiv tagħhom meta fl-ewwel ħarġa tas-sena 2020 huma għelbu lil Versity AFC 3-0. B’hekk huma komplew jibnu fuq is-suċċess li kellhom bir-rebħ tal-MAFA Christmas Cup meta issa telgħu għal tmien punti fil-klassifika ġenerali.

Għal Versity AFC, dan kien riżultat ieħor diżappuntanti fejn it-tim huwa d-dell ta’ dak li ftit tax-xhur ilu kien champion tal-ogħla kampjonat tal-MAFA. Fuq kollox huma baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika bi tliet punti biss minn sitt logħbiet.

Is-Sunrise għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ fis-seba’ minuta meta kien hemm ġirja tajba ta’ Matthew Salvatore li baqa’ javvanza u wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper qabbeż il-ballun għal ġox-xibka.

Fit-tieni taqsima, Versity wettqu reazzjoni iżda d-difiża ta’ Żurrieq immexxija bħas-soltu minn Yaya Touray rażżan kull attakk possibbli.

Fl-aħħar żewġ minuti tal-logħba, Żurrieq skorjaw żewġ gowls oħra li ssiġġillaw it-tliet punti finali. L-ewwel kien hemm kontrattakk veloċi mibdi minn Alejandro Brincat li biddel il-ballun ma’ Michael Gatt li min-naħa tiegħu reġa’ għadda lil sieħbu li skorja f’lasta vojta.

Fis-70 minuta, is-Sunrise għamluhom tlieta meta cross-shot ta’ Flint sab lil Maher Habou li mill-viċin għeleb lill-gowlkiper tal-Versity.

Referì kien Dorian Caruana.

Balzan Youths u Senglea Gunners temmew il-konfront ta’ bejniethom fi dro ta’ 1-1. Kienet logħba fejn il-bilanċ kien wieħed assolut u r-riżultat jixhed dan kollu.

Dan l-iskor ftit biddel il-pożizzjoni taż-żewġ naħat tant li jinsab lejn l-aħħar parti tal-klassifika, żewġ punti qabel l-aħħar tim.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi dro ta’ 0-0, fit-tieni taqsima kienu Balzan li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Chris Farrugia li għeleb lill-gowlkiper ta’ Senglea.

U eżatt kif Balzan kienu lesti jiċċelebraw it-tliet punti, Senglea ġew ippremjati tal-isforzi li għamlu tant li ġabu l-iskor indaqs eżatt qabel tmiem il-partita permezz tas-solitu Simphiwe Nonfulana.

Referì kien Ray Tabone.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, iż-żewġ timijiet ġirien ta’ xulxin San Ġiljan Saints u Balluta Barracudas kisbu tliet punti importanti li jkomplu jtuhom tama għall-promozzjoni.

San Ġiljan Saints reġgħu ħadu l-kmand tal-klassifika wara rebħa kbira ta’ 7-0 fuq Fgura Spartans. Dawn it-tliet punti kienu importanti għat-tim immexxi minn Iain Macleod wara t-telfa xejn mistennija tal-ġimgħa l-oħra kontra Valletta Stars. Għalihom spikka l-attakkant Mamadou Jawo li skorja hat-trick f’din il-partita.

Il-Ġiljaniżi kellhom ideat ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara tmien minuti logħob permezz ta’ Mamadou Jawo.

Fil-25 minuta Felix Mack għamilhom 2-0 filwaqt li Jawo għaqqad hat-trick personali b’żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima.

Fgura dehru maħsuda u minkejja xi azzjonijiet li kellhom ġarrbu tliet gowls oħra permezz ta’ Michael Hennessy fis-46 minuta, Lewis Constable fit-48 minuta u Philip Taylor fit-53 minuta.

B’hekk San Ġiljan Saints temmew l-ewwel rawnd ta’ dan il-kampjonat b’sitt rebħiet u telfa waħda biss.

Balluta Barracudas telgħu fit-tielet post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni meta f’logħba sabiħa u mimlija gowls għelbu lil Tarxien AFC 4-3.

Kienet logħba ta’ botta u risposta li paxxiet sew lil dawk preżenti fil-grawnd tal-Mosta.

Kienu Balluta Barracudas li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Zak Muscat sabiex Miguel Grima ġab l-iskor indaqs għal Tarxien.

Balluta baqgħu ffukati u reġgħu skorjaw permezz ta’ Paco Vassallo b’Daniel Zammit Lupi jżidilhom il-vantaġġ.

Fit-tieni taqsima, Adam Eshum reġa’ daħħal ftit tama għat-Tarxiniżi qabel ma’ Zak Muscat għamilhom erbgħa għal Balluta.

Finalment Jason Woodhead għamel l-iskor finali 4-3 sabiex naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim tiegħu.

Referì kien Roderick Micallef.

Klassifika MAFA L-Ewwel Diviżjoni

Marsa St Michael, Valletta St Pauls 10, Żurrieq Sunrise 8, Qormi Hotspurs 6, Senglea Gunners, Balzan Youths AFC 5, Versity AFC 3

Klassifika MAFA It-Tieni Diviżjoni

San Ġiljan Saints 15, Valletta Stars 12, Balluta Barracudas 11, Tarxien AFC 9, Fgura Spartans, Naxxar Victorians 5, Mosta Vikings 0





Leave a comment