Valletta St Pauls jikkundannaw liċ-ċampjins

Monday, October 28, 2019, 8:19

Gowl uniku skorjat fil-bidu kien biżżejjed sabiex Valletta St Pauls jegħlbu lir-rivali Versity AFC fil-partita prinċipali li kellna matul dan tmiem il-ġimgħa mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Mit-tieni diviżjoni Tarxien AFC komplew għaddejjin meta kisbu riżultat ieħor konvinċenti din id-darba kontra Mosta Vikings.

Wara li ntlagħbet it-tieni ġurnata ta’ dawn iż-żewġ kampjonati tal-MAFA jidher li l-livell se jerġa’ jkun wieħed għoli fejn it-timijiet huma armati sa snienhom għal dan l-istaġun twil. Matul dan tmiem il-ġimgħa l-logħbiet intlagħbu fil-grawnd ta’ Santa Lucia u għall-ewwel darba wkoll fil-grawnd tal-Mosta.

Valletta St Pauls u Versity AFC ipproduċew konfront kumbattut fejn kellna 70 minuta ta’ emozzjonijiet kontinwi. Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Beltin li daħku l-aħħar daħka meta rebħu dan il-konfront b’gowl uniku skorjat wara kwarta logħob.

Din kienet speċi ta’ vendetta sportiva mit-tim mill-kapitali li kien tilef mal-istess avversarji tliet ġimgħat ilu fil-logħba tal-Joe Compagno Cup li l-Versity rebħu bl-iskor ta’ 2-1.

Valletta St Pauls ħarġu determinati sa minn kmieni u ħadu 15-il minuta biex marru fil-vantaġġ permezz ta’ Glenn Fenech.

It-tim immexxi minn Robert Perkins wettaq reazzjoni iżda sa tmiem l-ewwel taqsima naqas milli jkun perikoluż lejn il-lasti difiżi minn Jianiro Camilleri.

Fit-tieni taqsima, Valletta St Pauls komplew ikunu organizzati fil-grawnd fejn minkejja l-attakki tal-Versity, ikkontrollaw tajjeb is-sitwazzjoni filwaqt li xorta bdew itellgħu kontrattakki perikolużi.

Mat-tisfira tar-referi Andre Schriha, il-plejers u diriġenti Beltin kienu ferm sodisfatti b’dak li għamlu. Huma kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva filwaqt li rnexxielhom jannullaw għal kollox it-tliet punti ta’ penalizazzjoni li bdew bihom l-istaġun.

Għal Versity din kienet it-tieni telfa konsekuttiva sabiex b’hekk għadhom f’qiegħ il-klassifika mingħajr ebda punt.

Marsa St Michael kellhom debutt mill-aqwa fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta b’gowl f’kull taqsima, huma għelbu lil Balzan Youths AFC. Għal dawn tal-aħħar din kienet l-ewwel telfa tagħhom staġjonali wara li kienu rebħu l-ewwel konfront uffiċjali tagħhom.

Marsa kienu ferm determinati li jiftħu bl-aħjar mod possibbli sabiex ipattu għall-istaġun diżappuntanti li kellhom. Huma kellhom l-ideat ċari sa mill-bidu u bdew ikunu perikolużi lejn il-lasti difiżi minn Andrew Anthony Agius.

Huma marru fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta wara ħarba ta’ Nikolay Filipov, il-ballun wasal għan Ricardo Severino li wara li kkontrolla tajjeb fajjar xutt li għeleb lil Agius.

Balzan ħarġu ferm determinati fit-tieni taqsima u Shaun Matintela kellu tentattiv li pero’ ġie newtralizzat mill-gowlkiper avversarju. Minkejja l-kontrattakki li bdew itellgħu, reġgħu kienu Marsa li skorjaw eżattament fis-70 minuta meta l-attakkant Bulgaru Dimitar Boyadhziev avvanza, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għeleb lil Agius għat-tieni darba.

Referì ta’ din il-partita kien Gorgji Bitri.

Żurrieq Sunrise kisbu l-ewwel rebħa tagħhom staġjonali meta b’gowl uniku għelbu lil Qormi Hotspurs.

Kienet partita li ż-Żrieraq ikkontrollaw mill-bidu sal-aħħar, b’Qormi li ppruvaw itellgħu l-kontrattakki tagħhom iżda naqsu li jkunu daqshekk preċiżi lejn il-gowlkiper avversarju. B’hekk huma tilfu t-tieni logħba konsekuttiva sabiex għadhom qed ifittxu l-ewwel punt tal-istaġun.

Kien fl-għaxar minuta li s-Sunrise marru minn fuq meta wara kontrattakk veloċi, kien Alejandro Brincat li daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Dwayne Camilleri bejn il-lasti Qriema.

Żurrieq setgħu rdoppjaw l-iskor iżda għal darba darbtejn kienu mċaħħda mil-lasta wara tentattivi ta’ Michael Gatt u Matthew Salvatore.

Fl-aħħar mill-aħħar din kienet rebħa importanti għat-tim immexxi minn Kris Bugeja li issa jista’ jħares ‘il quddiem lejn dan l-istaġun.

Referì ta’ din il-partita kien Alex Grech.

Tarxien AFC huma l-liders assoluti tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni meta b’żewġ gowls inizjali huma għelbu lil Mosta Vikings. Dawn tal-aħħar kienu qed jilagħbu l-ewwel logħba tal-istaġun filwaqt li żanżnu l-flokkijiet il-ġodda tagħhom.

Tarxien, immexxija minn Yalcin Sammut, fetħu b’mod aggressiv il-partita u marru minn fuq fit-23 minuta permezz ta’ Innocent Egougu li bir-ras ikkonnettja tajjeb kross mix-xellug.

Mosta naqsu milli jagħmlu reazzjoni u pront qalgħu t-tieni wieħed fit-32 minuta permezz ta’ Shaun Abela li wara li rċieva mingħand Jason Woodhead, b’xutt tajjeb fil-baxx ħasad lill-gowlkiper avversarju.

Fit-tieni taqsima, Mosta ħarġu tajjeb iżda ftit setgħu jinfdu d-difiża organizzata ta’ Tarxien sabiex kellhom isofru l-ewwel telfa tal-istaġun.

Tmiem il-partita kien ifisser ferħ mid-diriġenti u plejers Tarxiniżi li ma setgħux bdew bl-aħjar mod dan l-istaġun.

Referì kien Reno Galea.

Balluta Barracudas kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun meta b’gowl uniku għelbu lil Valletta Stars. Dawn tal-aħħar kellhom ibaxxu rashom wara li fl-ewwel logħba tagħhom kienu kisbu rebħa fuq Fgura Spartans.

It-tim mill-Balluta ħarġu determinati sabiex jiksbu l-punti neċessarji minn din il-partita u marru fil-vantaġġ fit-32 minuta permezz ta’ Zak Muscat.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 favur il-Barracudas, Valletta Stars ħarġu aħjar fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u minkejja t-tentattivi kontinwi tagħhom, id-difiża avversarja ddefendiet sa snienha sabiex ħarġet bl-ewwel tliet punti prezzjużi.

Referì kien Lorry Sammut.

Naxxar Victorians u San Ġiljan Saints ipproduċew partita inkredibbli filwaqt li qasmu bejniethom seba’ gowls. Fl-aħħar mill-aħħar kienu San Ġiljan li għelbu lil Naxxar bl-iskor ta’ 4-3 sabiex qed jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Tarxien AFC.

Kienu San Ġiljan Saints li marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta permezz ta’ Jacob Savara għalkemm l-istess plejer kellu l-iżvintura li jixħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess sabiex ġab id-dro għal Naxxar.

Erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, kien Jamie Bowlby Whiting li reġa’ poġġa lis-Saints fil-vantaġġ.

Fit-tieni taqsima assistejna għal erba’ gowls f’temp ta’ għaxar minuti. L-ewwel kienu San Ġiljan li għamluhom 3-1 grazzi għal Ethan Goodman li żamm l-appuntament mal-gowl. Fl-64 minuta Matt Callaghan skorja r-raba’ għas-Saints li forsi rrilassaw iżżejjed u qalgħu żewġ gowls f’daqqa wara li Jake Camilleri u Clayton Falzon skorjaw il-gowls għal Naxxar. Dawn tal-aħħar ippruvaw isibu l-gowl drammatiku tad-dro iżda kien tard wisq sabiex jagħmlu dan.

Referì kien Karl Stefan Galea.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Senglea Gunners, Balzan Youths AFC, Valletta St Pauls, Żurrieq Sunrise, Marsa St Michael 3,  Versity AFC, Qormi Hotspurs 0.

Valletta St Pauls bdew bi tliet punti mnaqqsa.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Tarxien AFC, San Ġiljan Saints 6, Valletta Stars, Balluta Barracudas 3, Fgura Spartans, Naxxar Victorians, Mosta Vikings 0.





Leave a comment