Valletta St Pauls jegħlbu lir-rivali Marsa St Michael u jibqgħu jittamaw

Monday, March 25, 2019, 7:09

Rapport: Robert Busuttil

Valletta St Pauls baqgħu jittamaw li jżommu t-titlu li rebħu s-sena l-oħra meta għelbu lir-rivali eterni Marsa St Michael bl-iskor ta’ 2-1. Kienet rebħa kollettiva li waslet sabiex it-tim mill-kapitali Maltija kisbu riżultat ieħor pożittiv biex b’hekk tefgħu mal-ġenb kompletament il-bidu ħażin li kellhom.

Logħba bħal din tkun dejjem mistennija bejn żewġ timijiet li normalment ikunu qed jissieltu għat-titlu finali. Forsi matul dan l-istaġun l-affarijiet ġew xi ftit differenti minħabba li l-liders tal-klassifika huma Versity AFC li ma sabux diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 4-0.

B’din it-telfa, Marsa tilfu kull ċans li jistgħu jissieltu għall-pożizzjonijiet għolja fil-klassifika u ironikament iridu joqogħdu attenti mit-timijiet ta’ warajhom minħabba li jinsabu biss żewġ punti bogħod miż-żona tar-relegazzjoni. Għas-St Michael dan kien staġun ferm diżappuntanti fejn naqsu milli jżommu l-kuntatt ma’ ta’ fuq.

L-ewwel taqsima kienet bilanċjata  bil-ballun tiela’ u nieżel u biż-żewġ gowlkipers li ħtiġielhom ikunu attenti sabiex jevitaw li jiġu skorjati gowls. Fil-fatt l-ewwel taqsima għalqet biż-żewġ lasti rispettivi mhux mimsusa.

Fit-tieni 35 minuta, Valletta ħarġu tajjeb u marru fil-vantaġġ fit-42 minuta permezz ta’ Simon Shead li ssorprenda lil Delyan Ivanov bejn il-lasti Marsin.

It-tim mill-kapitali baqa’ konċentrat u kien għalhekk li fil-55 minuta rduppjaw l-iskor grazzi għal Glenn Fenech.

Marsa St Michael daħlu fil-partita mas-siegħa logħob meta Darren Aitchinson għeleb lil Jianiro Camillieri għal skor ta’ 2-1. Kien hawnhekk li fil-kwarta li kien għad fadal, huma xeħtu kollox fuq l-attakk iżda sabu lid-difiża tas-St Pauls attenta sabiex naqsu milli jiskorjaw u eventwalment iġarrbu t-tielet telfa staġjonali.

Sadanittant Versity AFC baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika meta ftit sabu diffikultà sabiex jegħlbu lit-tim tal-qiegħ Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 4-0.

Il-liders tal-klassifika mal-ewwel għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari u fetħu l-iskor wara ħames minuti logħob permezz tal-aqwa skorer tagħhom Julian Muller.

Il-Victorians dehru konfużi u ma kinitx sorpriża li rdoppjaw l-iskor din id-darba permezz ta’ Ifeany Ubadike sabiex sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien jaqra 2-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, Naxxar ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda l-aggressivita’ tal-Versity fixklithom xi ftit u hawn daħal fix-xena l-attakkant Abel Okoro li skorja doppjetta fis-36 u fit-62 minuta sabiex issiġġilla s-seba’ rebħa staġjonali għat-tim tiegħu.

Din ir-rebħa fissret ukoll li l-Versity jinsabu favoriti li jieħdu l-kampjonat meta fadal żewġ logħbiet għat-tmiem.

Qormi Hotspurs inqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni meta għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 2-1. Kienet wirja maġistrali mit-tim immexxi minn Wayne Zerafa li għaraf iżomm sew il-pressjoni tal-avversarji filwaqt li jtellgħu  kontrattakki mill-aktar  perikolużi. Dan ir-riżultat kien tpattija sportiva miż-żgħażagħ Qriema wara li fl-ewwel rawnd is-Saints kienu rebħu bl-iskor kbir ta’ 7-0. Din id-darba l-istorja kienet differenti minħabba li t-tim mill-Balluta dehru inqas kalmi mis-soltu u dan ikkontribwixxa sabiex ikunu konfużi fil-logħob tagħhom. Huma jinsabu f’sitwazzjoni ferm diffiċli fil-klassifika meta issa niżlu t-tieni mill-aħħar u jinsabu f’periklu li jiġu relegati.

Qormi marru fil-vantaġġ wara 35 minuta logħob meta kien Yosef Bonnici li żgiċċa lid-difensuri Ġiljaniżi, daħal fil-kaxxa u b’xutt tajjeb għeleb lill-keeper Ryan Kerr. Wara li l-ewwel taqsima għalqet b’Qormi 1-0 minn fuq, fit-tieni taqsima San Ġiljan ħarġu tajjeb u ppruvaw joħolqu perikli lejn il-lasta ta’ Dylan Camilleri iżda ftit kienu preċiżi quddiem il-lasta.

Il-Hotspurs irduppjaw l-iskor fis-66 minuta fejn għal darb’oħra kien kontrattakk perikoluż mibdi minn Kyle Sultana li qassam lejn Yosef Bonnici li minn żewġ passi bogħod xeħet il-ballun fix-xibka.

Is-Saints naqqsu l-marġni tal-iskor mas-70 minuta meta kien Lewis Constable li rċieva kross mil-lemin u bir-ras għeleb lil Camilleri. Madankollu kien kollu għalxejn minħabba li r-referi saffar tmiem il-partita li rat lil Qormi jiksbu t-tielet rebħa staġjonali.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Versity AFC 21, Valletta St Pauls 17, Senglea Gunners 16, Marsa St Michael 13, Qormi Hotspurs 12, San Ġiljan Saints 11, Naxxar Victorians 1.





Leave a comment