Valletta St Pauls jaħsdu lil Versity AFC

Monday, March 11, 2019, 8:23

Rapport: Robert Busuttil

Iċ-ċampjins Valletta St Pauls ħasdu lil-liders tal-klassifika Versity AFC meta rebħulhom bl-iskor ta’ 3-2.  Ta’ dan m’approfittawx Senglea Gunners li setgħu jiġu biss dro ta’ 1-1 kontra Qormi Hotspurs u għalkemm jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika, il-vantaġġ tagħhom fuq l-istess Versity hu biss ta’ punt. Min-naħa l-oħra, assistejna għal-logħba mill-isbaħ bejn San Ġiljan Saints u Marsa St Michael li spiċċat fi dro spettakolari ta’ 3-3.

Suppost kellu jkollna wkoll programm sħiħ ta’ logħob mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni iżda kull ma ntlagħbet kienet biss logħba waħda fejn Balzan AFC għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 2-1. Mill-banda l-oħra, Żurrieq Sunrise u Valletta Stars ħadu rebħa mingħajr lanqas biss lagħbu minħabba li Marsaxlokk AFC u Mqabba Albions ma rnexxielhomx jgħaqqdu tim sħiħ għall-partiti rispettivi tagħhom.

Il-partita bejn Valletta St Pauls u Versity AFC kienet waħda mill-isbaħ bejn żewġ timijiet li wrew futbol offensiv u mhux ta’ b’xejn li ġew skorjati ħames gowls.

Kienu Versity AFC li marru fil-vantaġġ grazzi għas-solitu Julien Muller li għeleb lill-gowlkiper avversarju.  Il-Beltin ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Denis di Maio li kompla jżomm l-appuntament mal-gowl.

Versity baqgħu konsistenti u reġa’ kien Julien Muller li għaqqad doppjetta personali meta skorja fis-27 minuta.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet 2-1 favur it-tim minn Tal-Qroqq, it-tim mill-kapitali ħareġ tajjeb u ġab l-iskor indaqs permezz ta’ gowl tajjeb ta’ Tyron Borg. L-avversarji tagħhom dehru maħsuda u ma kinitx sorpriża li Valletta St Pauls reġgħu skorjaw din id-darba permezz ta’ Glenn Fenech li għeleb lill-keeper tal-Versity. Dawn tal-aħħar bdew jirsistu sabiex għallinqas jieħdu punt minn din il-partita iżda minkejja l-isforzi kollha tagħhom, ma rnexxielhomx jinfdu lid-difiża avversarja.

Sadanittant il-liders il-ġodda fi tmiem din il-ġimgħa huma Senglea Gunners wara li ġew dro ta’ 1-1 kontra Qormi Hotspurs. Dawn tal-aħħar taw wirja verament tajba tant li ħabbtu mhux ftit lit-tim mill-Kottonera speċjalment bil-kontrattakki veloċi u perikolużi li bdew joħolqu.

Wara dro ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima, Qormi fetħu verament tajjeb tant li marru fil-vantaġġ permezz ta’ penalty skorjat minn Jacob Falzon.
Senglea wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs wara li Sackham Phiram skorja mill-viċin. Dawn tal-aħħar ippruvaw jiskorjaw il-gowl tar-rebħa iżda l-gowlkiper Camilleri ċaħħadhom b’saves f’waqthom.

Min-naħa tal-Hotspurs huma baqgħu fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika.

San Ġiljan Saints u Marsa St Michael spiċċaw il-partita tagħhom fi dro eċitanti ta’ 3-3. Kienet logħba missielta bir-riżultat li baqa’ inċert sal-aħħar minuta. Kollox ma’ kollox l-iskor finali kien wieħed ġust.

Marsa ħadu biss erba’ minuti biex marru fil-vantaġġ permezz ta’ Sergey Danilov li għeleb lill-keeper tas-Saints Ryan Kerr. San Ġiljan wettqu reazzjoni immedjata u fis-16-il minuta ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Felix Mack.

Is-Saints bdew juru aktar aggressivita’ u ma kinitx sorpriża li żiedu tnejn oħra qabel tmiem l-ewwel taqsima l-ewwel permezz ta’ Matt Callaghan fil-21 minuta u Michael Hennessy fit-33 minuta.

Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael ħarġu ferm tajjeb u rnexxielhom isalvaw din il-partita proprju fl-aħħar sekondi tal-logħba. Shawn Vella naqqas il-marġni tal-iskor fit-43 minuta sabiex l-istess plejer sab ix-xibka fil-71 minuta tal-partita.

Kien dro li prattikament ħalla kollox l-istess fil-klassifika b’Marsa li baqgħu jżommu dak il-punt vantaġġ fuq l-istess Ġiljaniżi.

Mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Balzan Youths reġgħu rritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 2-1. Dan is-suċċess tella’ lit-tim tal-Youths fit-tieni post tal-klassifika bl-istess numru ta’ punti daqs Valletta Stars.

Kienet logħba fejn it-tim immexxi minn Kevin Curmi amministra għal ħafna ħin u skorja gowl f’kull taqsima permezz ta’ Daniel Ancilleri li sab ix-xibka fl-20 minuta kif ukoll fis-60 minuta biex bihom wettaq ukoll doppjetta personali.

Ir-reazzjoni ta’ Mosta Vikings waslet tard u kien għalxejn il-gowl skorjat minn Gaetano Pedroni minħabba li t-tim tiegħu ħareġ fuq in-naħa telliefa.

Sadanittant kellhom jintlagħbu żewġ logħbiet oħra minn dan il-kampjonat fejn il-liders tal-klassifika Żurrieq Sunrise kellhom jilagħbu kontra Marsaxlokk AFC filwaqt li Valletta Stars kellhom joħduha kontra Mqabba Albions.

B’xorti ħażina kemm Marsaxlokk kif ukoll Mqabba naqsu milli jgħaqqdu t-tim sabiex eventwalment kienu Żurrieq u Valletta Stars li rebħu dawn il-konfronti.

Żurrieq issa fetħu sitt punti vantaġġ fuq id-duo Balzan u Valletta Stars u jinsabu favoriti li mhux biss jirbħu l-kampjonat iżda wkoll li jiġu promossi għall-ewwel diviżjoni.

KLASSIFIKA MAFA  L-EWWEL DIVIŻJONI

Senglea Gunners 16, Versity AFC 15, Marsa St Michael 12, San Ġiljan Saints, Valletta St Pauls 11, Qormi Hotpurs 8, Naxxar Victorians 1.

KLASSIFIKA MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Żurrieq Sunrise 19, Balzan Youths, Valletta Stars 13, Fleur de Lys 12, Marsaxlokk AFC 9, Mosta Vikings 7, Mqabba Albions 1.





Leave a comment