Valletta St Pauls fuq quddiem

Sunday, February 9, 2020, 21:41

Gowl skorjat minn Glenn Fenech kien biżżejjed sabiex Valletta St Pauls jaqbżu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta huma għelbu lil Żurrieq Sunrise bl-iskor ta’ 1-0 fl-iktar partita mistennija ta’ dan tmiem il-ġimgħa.

Rebħa tajba kisbuha wkoll Qormi Hotspurs meta fl-isfida diretta tan-naħa t’isfel tal-klassifika huma għelbu lil Balzan Youths AFC 3-1.

Dan kien il-bidu tat-tieni rawnd ta’ dan il-kampjonat li mistenni jkun wieħed ferm interessanti kemm fin-naħa ta’ fuq kif ukoll fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Kif għedna fil-partita prinċipali, Valletta St Pauls għelbu lil Żurrieq Sunrise bl-iskor ta’ 1-0. Kienet logħba ferm sabiħa bejn żewġ timijiet li kienu għaddejjin minn forma kbira matul dan l-istaġun.

Għal Valletta dan hu staġun ferm pożittiv fejn s’issa għadhom ma sofrew l-ebda telfa u minkejja t-tliet punti mnaqqsa fil-bidu ta’ dan l-istaġun, xorta jinsabu fil-kmand tal-klassifika tal-ogħla diviżjoni tal-MAFA. Huma għandhom logħba iktar minn Marsa St Michael li ma kinux fl-azzjoni fi tmiem din il-ġimgħa.

Żurrieq kienu għadhom ġejjin minn rawnd sħiħ ma jitilfu u kienu proprju l-Beltin li tawhom l-aħħar telfa. Huma ħarġu aggressivi bħas-soltu filwaqt li bdew itellgħu attakki perikolużi lejn il-gowlkiper ta’ Valletta St Pauls Jianiro Camilleri.

Anke t-tim mill-kapitali beda jkun avventuruż u anke hawn il-gowlkiper ta’ Żurrieq ħtieġlu jsalva tentattivi ta’ Duric u Elamari.

Il-gowl li ddeċieda l-partita seħħ fit-18-il minuta meta wara azzjoni tajba, kien Glenn Fenech li approfitta hekk kif qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper għall-vantaġġ Belti.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet bis-St Pauls 1-0 minn fuq, fit-tieni 35 minuta ż-Żrieraq ħarġu jattakkaw għalkemm id-difiża Beltija żammet sod sabiex kisbu s-sitt rebħa staġjonali.

Referì kien Aleksandar Jovanovic.

Qormi Hotspurs kisbu rebħa ferm importanti meta fid-dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika, huma għelbu lil Balzan Youths AFC 3-1. Dawn tal-aħħar baqgħu jokkupaw il-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika flimkien ma’ Senglea Gunners u wara bidu ta’ staġun tajjeb, issa qed jitilfu wisq punti fil-partiti tagħhom.

Kienet partita fejn id-determinazzjoni taż-żgħażagħ Qriema ppremjathom tant li ħarġu minn din il-partita bi tbissima fuq fommhom. Kienu tliet punti ferm importanti għax issa tbiegħdu mill-avversarji tagħhom b’erba’ punti fil-klassifika ġenerali.

Qormi fetħu bl-aħjar mod possibbli u marru fil-vantaġġ grazzi għal David Bezzina li skorja gowl verament tajjeb.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur il-Hotspurs, fit-tieni taqsima Balzan wettqu reazzjoni tajba u ġabu d-dro permezz tal-iskorer prolifiku Shaun Matintela.

Qormi baqgħu ffukati u ssiġġillaw ir-rebħa fl-aħħar minuti tal-logħba permezz ta’ Yosef Bonnici u Kyle Sultana.

Referi kien Raymond Tabone

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Pauls 16, Marsa St Michael 13, Żurrieq Sunrise 11, Qormi Hotspurs 9, Senglea Gunners, Balzan Youths AFC 5, Versity AFC 3.





Leave a comment