Valletta jagħtu l-ewwel telfa lil Swieqi United

Monday, November 12, 2018, 10:25

Matul din il-ġimgħa, l-aktar konfronti interessanti kien dak bejn iċ-ċampjins renjanti Valletta u Swieqi United, b’dawn tal-aħħar isofru l-ewwel telfa staġjonali. Għall-Beltin li għandhom logħba anqas, din tkun ir-raba’ rebħa konsekuttiva minn erba’ logħbiet.

Il-Beltin kisbu vantaġġ komdu ta’ ħames gowls fl-ewwel taqsima, b’gowls skurjati minn Gia Nikvasvili, Mohammed Lamari, Camilo Andres Gomes Vanegas, Shawn Vella u għal darb’oħra Lamari.

Fit-tieni taqsima l-Beltin żiedu żewġ gowls oħra b’Gia Nikvasvili li kellu wkoll doppjetta personali u gowl ta’ Dylan Musu. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Swieqi United skurjah il-captain tagħhom Dusan Rakic. B’hekk skor finali Valletta 7 Swieqi United 1.

Intant Luxol telgħu waħedhom fil-quċċata b’punti massimi, meta għelbu lil Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 9-2. Għat-tim minn St. Andrews kellna tripletta ta’ Emil Andrei Raducu, doppjetta ta’ Celino Alves u gowl kull wieħed għal Zvezdan Vukovic, Mark Zammit, Andy Mangion u George Frendo. Iż-żewġ gowls ta’ Pietà Hotspurs ġew skurjati minn Karl Sciortino and Maycon Victor.

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Birkirkara kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lit-tim ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Luxol bl-iskor ta’ 18-3.

It-tim tal-Istudenti tal-Università ta’ Malta kiseb rebħa inkoraġġanti meta għeleb lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-4.

Fl-aħħar nett Tarxien Rainbows żiedu rebħa oħra importatni meta għelbu lil UM Futsal Academy bl-iskor ta’ 10-1.

B’hekk fil-klassifika Luxol fil-quċċata bi 15-il punt segwiti minn Swieqi United u Valletta bi 12; Birkirkara u Tarxien Rainbows għandhom disa’ punti. l-Università ta Malta b’sitt punti, Pieta Hotspurs, it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United, u l-UM Futsal Academy għandhom tliet punti, filwaqt li t-tim ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Luxol għadhom mingħajr punti.

Il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet, li kollha se jintlagħbu fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u jibdew fit-tmienja u kwarta ta’ filgħaxija:

It-Tnejn 12 ta’ Novembru

Valletta FC Futsal vs UM Futsal Academy

It-Tlieta 13 ta’ Novembru

Luxol St. Andrews U19 vs L-Università ta’ Malta

Il-Ħamis 15 ta’ Novembru

Pieta Hotspurs vs Birkirkara

Il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru

Tarxien Rainbows vs Luxol St. Andrews





Leave a comment