Valletta Futsal jimmiraw li jiksbu l-punti u r-rispett mill-avversarji

Sunday, August 14, 2016, 14:28

Gavin Muscat

Il-Ħadd filgħaxija sbieħ it-Tnejn filgħodu, Valletta Futsal jibdew il-vjaġġ twil lejn il-Fillandja, sabiex jieħdu sehem fir-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Cup. Il-klabb Belti se jkun fi Grupp F flimkien mal-ospitanti Sievi Futsal, Tbilisi State University tal-Ġeorġja u Wattcell Futsal Club tal-Iskozja.

Fl-avventura tiegħu li se ddum sal-Ħadd 21 ta’ Awwissu, il-klabb ta’ Valletta Futsal se jkun hemm biex jogħlli l-isem tal-futsal Malti u dak tal-Belt Kapitali. Fi kliem il-kowċ Clayton Felice, it-taħriġ beda f’nofs Lulju fejn enfasizza ħafna l-fiżiku tal-plejers kollha tiegħu. Semma wkoll iż-żieda ta’ żewġ plejers barranin ġodda. Wieħed minnhom huwa l-plejer internazzjonali Albaniż Endrit Kaca li lagħab fil-passat ma’ Qormi u ma’ Lija Athletic fl-istaġun li għadda. L-ieħor huwa Vanderlei Augusto li lagħab ma’ Magione, Real Torgianese, Pescara, Portos, Fermo, Perugia u ma’ Luxol St Andrews fir-rawnd preliminari tal-Uefa Futsal Cup 2015/16. Ma’ dawn ġew konfermati wkoll fl-iskwadra Cristian Cuadros Silva, Mohammed Elamari u Denis Di Maio. Bħala element lokali nsibu lill-gowlkipers Neil Cuschieri u Gaetano Mallia, il-plejers Melvin Borg, Joseph Borg, Chris Cardona, Gary Inguanez, Dylan Musu, Jovica Milijic u l-captain Xavier Saliba.

Għal Xavier Saliba din se tkun it-tielet esperjenza f’din il-kompetizzjoni u t-tielet darba li se jilgħab fil-Fillandja. Saliba tkellem f’isem sħabu fejn saħaq li se jieħdu din l-esperjenza bi professjonalità kbira. Bħalma għamlu timijiet oħra Maltin, il-plejers Beltin se jmorru b’mentalità rebbieħa u jippruvaw jiksbu l-punti imma fuq kollox ir-rispett mill-avversarji.

Valletta Futsal jiftħu l-impenji tagħhom nhar l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu fis-6pm kontra Sievi Futsal. Il-Ħamis 18 ta’ Awwissu jilagħbu kontra Tbilisi State University fit-3:30pm. L-aħħar logħba tagħhom minn dan il-grupp tkun nhar is-Sibt 20 ta’ Awwissu fin-12:30pm kontra Wattcell Futsal Club.

Konferenza tal-istampa tal-Valletta Futsal





Leave a comment