Valletta FC Futsal rebbieħa tas-Super Cup tal-Futsal

Sunday, September 16, 2018, 11:01

Tkompli l-mixja pożittiva ta’ Valletta FC Futsal li ddominaw u rebħu bla tbatija, il-finali tas-Super Cup kontra t-tim tal-Università ta’ Malta. Il-Beltin li kellhom vantaġġ ta’ 9-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima ħarġu rebbieħa bl-iskor finali ta’ 13-1.

Il-Beltin mill-ewwel ikkontrollaw il-partita u bdew idawru l-ballun faċilment. Min-naħa l-oħra l-Universitarji dehru għall-ħinijiet twal statiċi u ftit li xejn setgħu jwettqu reazzjoni.

Fl-ewwel taqsima l-Beltin skurjaw disa’ gowls minn doppjetta ta’ Camilo Andres Vanegas Gomez, tripletta ta’ Jovica Milijic, gowls ta’ Gia Nikvashvili, Dylan Musu u Shawn Vella flimkien mal-awtogowl tal-gowlkiper Jonathan Martinelli.

F’nofs it-tieni taqsima bi żball ta’ Daniele Degennaro l-ballun spiċċa fix-xibka u rregala l-għaxar gowl ta’ Valeltta. Għaldaqstant minuta wara l-istess Degennaro skurja l-uniku gowl għall-Universitarji meta rċieva l-ballun tajjeb ħafna mingħand Daniel Borg. Ħames minuti mit-tmiem Dylan Musu għaqqad ukoll doppjetta personali u għamel l-iskor parzjali 11-1. Fl-aħħar minuta waslu żewġ ġowls oħra għal Valletta mingħand Denis Di Maio u Daniel Saliba li għamlu l-iskor finali ta’ 13-1.

Wara t-tisfira finali l-partitarji Beltin ingħaqdu mall-iskwadra Beltija fiċ-ċelebrazzjoni li laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Melvin Borg għolla s-Super Cup.

B’dan is-suċċess miksub il-Beltin jkomplu jippreparaw għall-impenji tagħhom fil-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League fl-Islovakkja, fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru.





Leave a comment