- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Valletta FC Futsal jieħdu l-ewwel rebħa

Posted By Sportinmalta On August 30, 2018 @ 10:18 am In Featured,Futsal | No Comments

Bidu tajjeb għaċ-ċampjins Maltin Valletta FC Futsal fl-ewwel logħba minn Grupp E tar-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Champions League. Il-Beltin ħadu l-ewwel tliet punti meta għelbu liċ-ċampinjs Estonjani ta’ Cosmos bl-iskor ta’ 4-2.

Wara biss tliet minuti l-plejer internazzjonali mill-Ġorġja Murtaz Kakabadze skurja l-ewwel gowl Belti. Fit-12-il minuta l-Ġorġjan l-ieħor Gia Nikvashvili qassam lejn il-Kolumbjan Camilo Gomez u dan tal-aħħar għamilhom 2-0. Għaldaqstant Cosmos naqsu l-marġni tal-iskor, meta żewġ u minuti u nofs qabel tmiem l-ewwel taqsima, Stepan Tsemoussov ikkonkluda fix-xibka.

Il-Beltin ġew maħsuda fil-ftuħ tat-tieni taqsima, hekk kif biss wara seba’ sekondi Cosmos għamlu l-iskor indaqs (2-2) permezz ta’ Erik Grigorjev. Fit-33 minuta Valletta mill-ġdid fil-vantaġġ, b’xutt b’saħħtu mix-xellug tal-Ispanjol Yerai Hernandez Gutierrez. Cosmos ippruvaw iwettqu reazzjoni għal dan il-gowl billi daħħlu l-flying keeper f’dawn l-aħħar minuti. Kien hawn li l-Beltin approffittaw mill-ispazji fid-difiża u ssiġġilaw l-ewwel rebħa fl-aħħar minuta permezz tas-Serb Ninislav Aleksic.

Valletta jerġgħu jkunu fl-azzjoni aktar tard illum fil-5:30pm, kontra l-Irlandiżi ta’ Futsamba Naas. L-aħħar logħba minn dan il-grupp tkun nhar is-Sibt li ġej kontra t-tim ospitant ta’ Veles tal-Maċedonja, fit-8:00pm.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/valletta-fc-futsal-jiehdu-l-ewwel-rebha/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.