Unur ieħor għaċ-champions Luxol

Wednesday, October 10, 2012, 10:13

minn Colin Schembri

ST. JAMES HOSPITAL SUPER CUP NISA

 

Luxol 57

Hibernians 56

(20-9)(9-15)(16-17)(12-15)

 

Ġimgħa wara r-rebħ tas-St. James Hospital Pre-Season Tournament, ic-champions Luxol komplew fit-triq tar-rebħ meta għelbu lil Hibs fis-Super Cup biex fi spazju ta’ ġimgħa rebħu l-ewwel żewġ unuri tal-istaġun. Mil-formazzjoni tal-pre-season cup, Luxol kellhom nieqsa li Christina Curmi fil-waqt li Hibs kienu bl-istess formazzjoni. Luxol bnew vantaġġ tajjeb sal-ewwel sessjoni pero Hibs bdew inaqqsu dan id-distakk għal tmiem verament eċitanti.

Wara basket fuq kull naħa fl-ewwel minuta, Luxol għamlu run ta’ 13-2 fosthom trippla ta’ Greta Zarb biex sas-sitt minuta kienu 15-4 minn fuq. Wara rispista ta’ Elena Cassar għal Hibs, Luxol wieġbu bi trippla oħra minn Sarah Pace u freethrow ta’ Mollie Williams. Pero’ l-player Amerikana kienet sfortunata li weġġat fl-azzjoni ta’ wara u kellha tħalli l-partita u mistennija tibqa’ barra għal xi ġimgħat. Luxol temmew l-ewwel perjodu 20-9 minn fuq bil-Hibs jibdew inaqqru d-distakk sa’ mil-ewwel minuti tat-tieni wieħed meta bdew b’run ta’ 6-0 b’żewġ baskets ta’ Cassar u ieħor tal-captain Lucienne Bezzina. Luxol wieġbu permezz ta’ Paula Ellul u Mandi Sciortino biex reġgħu marru 9 minn fuq 27-18 qabel ma’ baskets minn Julia Scerri u Bezzina raw lil Hibs inaqqsu d-distakk għal 5 punti qabel l-intervall 29-24.

It-tielet sessjoni fetħet b’baskets fuq kull naħa sakemm Maria Desira għamlet 2 wara xulxin biex Hibs waslu sa 3 punti ‘l bogħod 32-35. Zarb għamlet trippla mportanti għal Luxol biex tathom ftit tan-nifs pero’ Bezzina għamlet oħra għal Hibs biex is-sessjoni ntemmet bil-Luxol fuq quddiem 45-41. L-aħħar sessjoni kienet il-qofol ta’ kollox hekk kif Hibs komplew javviċinaw lejn l-avversarji. Mhux hekk biss, għaliex fis-sitt minuta, basket ta’ Antoinette Borg ippareġja l-partita fuq skor ta’ 48 punt kull team. Il-vantaġġ inbidel għal 4 darbiet qabel ma Luxol għamlu żewġ baskets minn Ellul u Diana Muscat għal vantaġġ ta’ 3 punti 56-53 fid-disa’ minuta. Fl-aħħar ħinijiet, Bezzina reġgħat ippareġjat bi trippla u Hibs kellhom darbtejn il-basket tar-rebħa pero’ tilfu l-okkażjoni li jmorru fuq quddiem f’ħin daqshekk kruċjali. Seba’ sekondi mit-tmiem, Paula Ellul sofriet foul u marret fuq il-freethrow line. B’kalma ta’ veterana, din il-player żagħżugħa għamlet freethrow minn tnejn biex tat it-rebħa lil Luxol fuq skor finali ta’ 57-56.

Fi tmiem il-partita, il-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil Mandi Sciortino captain ta’ Luxol.

           

Luxol: S. Pace 3, M. Sciortino 5, C. Medina, B. Naudi 2, J. B. Gaerty, G. Zarb 20, P. Ellul 16, M. Williams 6, D. Muscat 5, M. Darmanin, K. Portelli.

Hibs: J. Scerri 2, E. Cassar 10, M. Zammit, L. Bezzina 17, F. Mifsud, M. Desira 4, K. Gatt, A. Borg 13, N. Mifsud, E. Micallef, J. Borg Cardona 10, L. Micallef.

Referees: Gordon Barbara, Steve Gouder, Alfred Carbonaro





Leave a comment