- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

#UnitedForMalta – L-MFA u l-MRFU jingħaqdu flimkien biex jippromwovu t-timijiet nazzjonali

Posted By Sportinmalta On March 22, 2018 @ 6:14 pm In Featured,Football,Rugby | No Comments

#UnitedForMalta huwa t-titlu tal-promozzjoni konġunta bejn il-Malta Football Association u l-Malta Rugby Football Union, probabbli l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta fl-isport lokali, u li tnediet iktar kmieni din il-ġimgħa.

Andrè Schembri u Rowen Muscat, it-tnejn membri tat-tim nazzjonali tal-football, ingħaqdu ma’ żewġ players tat-tim nazzjonali tar-rugby, Julian Galea u Matthew Spiteri, għal photo-shoot fl-Istadium Nazzjonali.

Lebsin il-kit tat-timijiet nazzjonali bis-salib ta’ Malta esebit bi prominenza fuq il-parti ta’ quddiem, dawn l-ambaxxaturi tal-isport taw wirja ta’ unità u solidarjetà f’ġimgħa impenjattiva għaż-żewġ timijiet.

Ġimgħa li ser tara lit-timijiet kemm tal-football u anke tar-rugby involuti f’żewġ logħbiet internazzjonali fil-pajjiż.

It-tim nazzjonali tal-football ivara l-impenji tiegħu għal din is-sena b’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu llum, il-Ħamis fl-Istadium Nazzjonali (18.00) filwaqt li t-tim nazzjonali tar-rugby jilgħab kontra Andorra nhar is-Sibt, f’logħba mir-Rugby Europe fl-Istadium tal-Hibernians (14.00).

Il-Viċi President tal-MFA Dr Matthew Paris, li kellu parti importanti fid-diskussjonijiet bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet, huwa kunfidenti li minn dan il-ftehim ser jieħdu l-frott kemm-il football u anke r-rugby.

“L-MFA hija kuntenta li hija parti minn din l-inizjattiva mal-Malta Rugby Football Union,” qal Dr Paris.

“Aħna nemmnu li dan il-ftehim jista’ jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ assoċjazzjonijiet, hekk kif qed ningħaqdu biex nippromwovu t-timijiet nazzjonali li għandhom ħaġa komuni …. it-tnejn jirsistu u jistinkaw biex jirrapreżentaw lill-pajjiżna b’unur fix-xena sportiva internazzjonali.

“Aħna ċerti li din l-inizjattiva timmarka l-bidu ta’ sħubija fit-tul mal-MRFU.”

Steve Busuttil, il-President tal-MRFU, ukoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tnedija ta’ din l-inizjattiva.

“Din il-ko-operazzjoni bejn l-MFA u l-MRFU hija inizjattiva li ser tgħin sabiex l-assoċjazzjonijiet jippromwovu t-timijiet rispettivi tagħhom,” qal il-President tal-MRFU.

“Huwa ta’ inkoraġġiment li ssib assoċjazzjonijiet oħra li jaqsmu miegħek l-istess passjoni għall-isport u anke għall-unur li nistgħu nġibu lejn pajjiżna.

“Aħna nħarsu ’l quddiem biex nsaħħu aktar din il-ko-operazzjoni fil-futur qarib għall-benefiċċju taż-żewġ dixxiplini sportivi.”

Louis Agius, mis-South End Core, kien preżenti wkoll għal din l-attività.

South End Core kienu minn ta’ quddiem nett fl-isforzi biex jiżdied il-livell ta’ sapport għat-timijiet nazzjonali Maltin f’oqsma sportivi differenti f’dawn l-aħħar snin.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/unitedformalta-l-mfa-u-l-mrfu-jinghaqdu-flimkien-biex-jippromwovu-t-timijiet-nazzjonali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.