U-Turn oħra mill-MFA

Thursday, December 2, 2010, 9:28

Dan t’hawn taħt huma l-istejjer li ħarġu fil-programm Kontrattakk li jixxandar fuq TVM fl-9.45pm waqt ir-rokna X’Qed Jinħema li ġew investigati matul din il-ġimgħa mit-team ta’ dan il-programm.

WARMING UP FIL-VICTOR TEDESCO STADIUM

Diversi klabbs kemm tal-Premier u b’mod partikolari tal-first kienu qegħdin jilmentaw dwar ir-regolamenti l-ġodda tal-warming up li l-MFA kienet sre timplimenta fil-Victor Tedesco Stadium.  Klabbs li tkellmu ma Kontrattakk matul din il-ġimgħa kienu qegħdin isostnu li t-timijiet li jilagħabu it-tieni logħba se jibda jkollhom anqas minn 20 minuta sabiex jippreparaw ruħhom fiżikament għall-warm up.

Sabiex nagħtukom eżempju jekk l-ewwel logħba tibda fis-2pm u tibda fil-ħin eżatt, ma jingħatax ħin miżjud u ma jkunx hemm dewmien sabiex il-players joħorġu mill-ground, il-partita tispiċċa fl-3.45pm filwaqt li it-tieni waħda fl-4.15pm. Meta tqis li rarament il-partiti jdumu eżatt skont kif skedat u li l-players tat-tieni logħba jridu jkunu lesti fit-tunnel 10 minuti qabel, prattikament kien se jibqgħalhom ftit minuti sabiex jagħmlu l-Warm up tagħhom. Is-sentiment tal-maġġoranza tal-klabbs f’dan ir-rigward kien komuni u għalhekk ħafna minnhom kitbu uffiċjalment lil MFA u ilmentaw b’mod uffiċjali dwar dawn l-istruzzjonijiet li ingħataw permezz ta’ ċirkulari mill-MFA. F’din iċ-ċirkulari kien hemm struzzjonijiet riġidi li l-ebda player uffiċjal jew membru tal-istaff tekniku ma jista’ jidħol fil-ground qabel ma tispiċċa l-ewwel logħba. Il-klabbs kienu qed jibżgħu li permezz ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda se jkolna ħafna aktar injuries fil-minuti inizjali tal-partita minħabba li ma tkunx saret preparazzjoni addattata aktar u aktar meta issa l-klima hija xitwija. Meta ġiet affaċjata b’din is-sitwazzjoni u b’dan l-argument , l-MFA għamlet U-Turn oħra fis-sensiela ta’ U-Turns li għamlet fl-aħħar tliet xhur u reġgħet infurmat lill-klabbs biex jinjoraw l-istruzzjonijiet oriġinali.

FL-AĦĦAR JASAL IL-VALLETTA MOBILE

Sa fl-aħħar jidher li l-proġett tant mistenni mill-partitarji Maltin dak li jkollhom l-linja ċellulari tagħhhom se jsir realta. Dan minħabba l-fatt li minn informazzjoni li għandna, dan il-proġett li Victor Sciriha ilu jaħdem fuqu għal dawn l-aħħar sentejn se jiġi imniehdi nhar is-Sibt illi ġej ġewwa lukanda f’San Ġiljan. Kien hemm ħafna diskussjonijet interni dwar l-isem li għandu jingħata dan is-servizz iżda sa fl-aħħar ġie deċiż li din il-linja ċellulari għandha tissemma VFC Mobile. Awguri lil Valletta u nisperaw li dan il-proġett jibqa’ għaddej. Jidher li diġa hemm mijiet ta’ partitarji Beltin li diġa abbonaw u kkommettew ruħhom li se jibdew jużaw il-linja ċellulari tat-tim tal-futbol ta’ Valletta.

XOGĦOL KBIR F’TA’ QALI

Se nurukom dalwaqt diversi ritratti ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni estensiva li bħalissa għaddejja fl-istadium Nazzjonali. Fir-ritratti miġbuda minn Dominic Aquilina, qed naraw xogħlijiet fuq diversi turġien, xogħlijiet ta’ modernizzar u xogħol ieħor fl-entratura fil-VIP Area f’Ta’ Qali. Prosit minn hawnhekk lill-amministraturi tal-MFA li għandhom taħthom ir-responsabbilta ta’ dan ix-xogħol. Ta’ min isemmi wkoll ix-xogħol ta’ immodernizzar li qed isir fil-Press Boxes għall-media. Jidher li din il-ġimgħa, saħansitra se jitwaqqgħu l-Press Boxes antiki tan-nofs biex dawn jiġu pariċċ it-tmienja moderni li diġa nbnew. Huwa pjaċir tagħna li nfaħħru din l-inizjattiva u kwalunkwe inizjattiva oħra tal-MFA li fl-opinjoni tagħna sservi ta’ ġid għall-futbol Malti. U għal dawk l-impjegati fl-MFA li kuljum fil-kurituri ta’ Ta’ Qali jsemmu l-fatt li l-programm Kontrattakk jikkritika biss L-MFA, illum nikkonfermawlkom li t-tajjeb nafu nevalwawh.

ŻEWĠ MEDJATURI FIL-KWISTJONI MFA U ONE TV

Din il-ġimgħa, kif ħafna minnkom jafu, il-website sportinmalta.com żvelat storja fejn ħabbret l-isem ta’ wieħed mill-medjaturi fil-kwistjoni bejn l-MFA u One TV. Dan il-medjatur kien Carlo Seychell, ex-player ta’ Valletta FC u ħabib personali ta’ Norman Darmanin Demajo. Seychell kien wieħed mill-canvasers uffiċjali tad-Dede fil-kampanja għall-elezzjoni tal-President tal-MFA. Illum dan il-programm se niżvelaw l-isem tat-tieni medjatur li kien kruċjali sabiex tkun irranġata s-sitwazzjoni. Dan kien Chris Agius, Membru Parlamentari u President tat-tim tal-Ewwel Diviżjoni St. George’s FC. Prosit minn hawnhekk liż-żewġ naħat talli rrenja s-sens komun sabiex issa One TV se jerġa’ jibda jagħti servizz lill-futbol Malti kif dejjem għamel.

Għal din il-laqgħa, preżenti fuq in-naħa tal-MFA kien hemm Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo filwaqt li għal one attendew Jason Micallef u Ivan Vella. Ta’ min jinnota li t-teżorier tal-MFA Antoine Portelli li kien il-moħħ wara din il-bawxata u li kien hu ħabbar fil-Kunsill tal-MFA li l-kuntratt ta’ ġbid tal-logħbiet b’mod differit (apparti l-45 logħba live tal-Melita) kien ingħata lil Net TV, ma kienx preżenti għal din il-laqgħa … stramba hux?

ŻEWĠ PLAYERS INVOLUTI FI ĠLIEDA GĦALL-PIZZA

U nagħlqu X’Qed Jinħema llum b’filmati deplorabbli iżda interessanti … Dan minħabba l-fatt li se nurukom ġlieda kbira fejn fiha kien hemm involuti żewġ players Brażiljani li jilagħbu Malta. Irċivejna diversi telefonati u messaġġi fuq facebook biex jitolbuna ninvestigaw din l-istorja u dan il-filmat illi mhux biss spiċċa fuq Youtube iżda spiċċa wkoll fuq il-front page tas-sit elettroniku timesofmalta.com. F’dan il-filmat nosservaw ġlieda li seħħet f’Paceville f’ħanut żgħir tat-takeaway tal-pizza. Iż-żewġ players jidhru jkollhom xi jgħidu bl-ikrah u jiġġieldu bil-ponn ma’ xi nies Maltin. Tentattivi sabiex niġbru informazzjoni dwar l-identita ta’ dawk involuti fil-ġlieda mill-pulizija irriżultaw fin-negattiv u għaldaqstant m’aħniex se niżvelaw l-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ players minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet. Jidher li wiehed minn dawn il-players hu Lovizon il-goalkeeper ta’ Bkara li wegga fil-bidu tal-kampjonat.

Filmat tal-ġlieda: http://www.youtube.com/watch?v=ipXwqFB4jb8&has_verified=1





1 Comment

  1. Supporter Belti says:

    U l-iehor, skont kif qaluli, hu Conceicao ta’ Balzan.

    [Reply]

Leave a comment