Turnament Internazzjonali organizzat mill-Msida Arrows

Monday, September 23, 2019, 7:52

Il-klabb ta’ Msida Arrows għadu kemm organizza turnament internazzjonali bl-isem ta’ “Tazza tal-Ħbiberija” fejn, flimkien ma’ żewġ timijiet tal-istess klabb, ħa sehem ukoll tim minn Katanja.

L-avveniment kien magħmul minn turnament trijangolari bejn it-tliet timijiet kif ukoll kompetizzjonijiet individwali tas-Singles u tad-Doubles, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.

Fit-turnament tat-timijiet, kull partita kienet magħmula minn ħames logħbiet differenti: Men’s u Women’s Singles, Men’s u Women’s Doubles kif ukoll il-Mixed Doubles.

It-tim Sqalli, li kien maghmul minn għażla tal-aħjar plejers fi Sqallija, rebaħ it-turnament tat-timijiet meta għeleb liż-żewġ timijiet Maltin bl-iskor identiku ta’ 3-2.

Minn naħa tagħhom, Msida Arrows għelbu lit-tieni tim tal-istess klabb bl-isem ta’ Shuttlerockers, bl-istess puntegg ta’ 3-2.

Kif jixhed ir-riżultat aħħari ta’ kull partita, il-logħob kollu kien bilanċjat u ferm kumbattut fejn kull plejer ta l-aħjar tiegħu sabiex jikseb ir-rebħa kontra avversarji lokali u barranin.

Dawn kienu r-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet individwali:

MEN’S SINGLES: Marcantonio Fiorito;

WOMEN’S SINGLES: Elenia Haber;

MEN’S DOUBLES: Marcantonio Fiorito u Rosario Scelfo;

WOMEN’S DOUBLES: Elenia Haber u Christabel Cachia.

Il-klabb ta’ Msida Arrows stqarr is-sodisfazzjon tiegħu għall-livell għoli ta’ loghob muri minn dawk kollha li ħadu sehem kif ukoll għar-riżultati miksuba mill-plejers maltin.

Hu tenna wkoll li jinsab kommess li jibqa’ joħloq opportunitajiet ta’ din ix-xorta għall-plejers tiegħu sabiex dawn ikomplu jtejjbu l-livell ta’ logħob taghhom.





Leave a comment