Tripletta Mostija

Tuesday, September 3, 2013, 9:54

Minn Robert Busutill

Mosta…………3

Rabat Ajax……0

Mosta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta rebħu b’mod konvinċenti lir-Rabtin li min-naħa tagħhom baqgħu mingħajr punt wara tliet logħbiet.

Għal Mosta ddebutta l-barrani tagħhom Yuri Messias filwaqt li għar-Rabat kien nieqes Joseph Caruana li kien imweġġa.

L-ewwel 20 minuta kienu tal-marka Rabtija b’tentattivi konsekuttivi ta’ Carillo Pendas u Licari.

Wara dan kollu Mosta bdew resqin lejn il-lasti ta’ Velimirovic li kien prominenti b’saves f’waqthom fuq konklużjonijiet ta’ Messias u Cristian Fernandes sabiex l-ewwel taqsima għalqet 0-0.

Ħdax –il minuta mill-bidu tat-tieni taqsima u Mosta ġew mogħtija penalti wara li d-difensur Rabti David Azzopardi waqqa’ lil Messias fil-kaxxa. Inkariga ruħu l-espert CRISTIAN FERNANDES li mill-ħdax –il metru ma żbaljax sabiex skorja t-tielet gowl tiegħu fil-Premier.

Hawnhekk il-Magpies dehru mifxulin u Manolito Micallef għal Mosta għal ftit m’għamilhomx tnejn meta fit-63 minuta ra d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata b’mod akrobatiku minn Velimirovic.

Moises Avila Perez resaq viċin għal Rabat tmien minuti wara, iżda kienu Mosta li rduppjaw meta kross mil-lemin ta’ Yuri Messias u kien Shaun Gauci li fit-tentattiv li jikklerja, xellef il-ballun fin-naħa żbaljata sabiex qarraq bil-gowler sieħbu għal awtogowl klassiku.

It-tim tar-Rotunda ssiġġilla r-rebħa fl-84 minuta meta wara kross preċiż ta’ Diego Pereira li Velimirovic laqa’ temporanjament pront daħal CRISTIAN FERNANDES li b’daqqa ta’ ras mill-viċin ċaqlaq ix-xibka Rabtija għat-tielet darba f’din il-partita.

Fit-88 minuta, Rabat spiċċaw bi plejer anqas meta tkeċċa Dylan Falzon bit-tieni karta safra.

Mas-suffara finali tar-referi Andre Arciola rat lill-Mostin ferħanin li rebħu b’mod konvinċenti bil-plejers Rabtin għadhom qed iħokku rashom sabiex isibu metodu kif jistgħu jiġbru l-ewwel punti tal-istaġun.

 





Leave a comment